2,900 STUDENT GĦAWDXI JGAWDU MINN IKTAR FAĊILITAJIET FL-ISKEJJEL
“Madwar 2,900 student Għawdxi li jattendu 14-il skola madwar Għawdex, kif ukoll aktar minn 1,100 parteċipant li jattendu ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u l-Iskola tal-Mużika, qed jibbenefikaw minn aktar faċilitajiet ġodda u ambjenti aħjar fl-iskejjel tagħhom. Dan permezz tal-proġetti li qed jitwettqu bl-iskema għall-Istituzzjonijiet Edukattivi,marbuta mal-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012”.
Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex meta dalgħodu ppreżentat l-ewwel parti tal-finanzjament ta’ madwar €46,000 lir-rappreżentanti tal-iskejjel li qed iwettqu diversi proġetti fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Permezz ta’ din l-iskema, kull skola f’Għawdex setgħet tieħu massimu ta’ €3,000, biex jitwettqu għadd ta’ proġetti li huma ppjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena skolastika 2012/2013.
L-iskejjel li qed jibbenefikaw jinkludu seba’ skejjel Primarji fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex li jinkludu: dik tax-Xewkija, tal-Qala, ta’ San Lawrenz, tan-Nadur, ta’ Għajnsielem, tax-Xagħra u taż-Żebbuġ; kif ukoll l-Iskola Santa Tereża f’Ta’ Kerċem, l-Iskola Sekondarja tal-Bniet, l-iskejjel tal-primarja u tas-sekondarja fil-Konservatorju tal-Isqof, iċ-Ċentru għall-Studji Ogħla Sir M.A. Refalo, l-MCAST, l-Iskola tal-Mużika, is-Seminarju Maġġuri u ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri.
Il-proġetti jinkludu xiri ta’ tagħmir sportiv f’sitt skejjel, xiri u stallazzjoni ta’ apparat għall-konferenzi awdjoviżivi, twaqqif ta’ tliet gazebos, librerija għar-referenzi tal-mużika, xiri ta’ 5 interactive whiteboards, racks fejn jintrabtu r-roti, kitchen lab, tagħmir għat-tixbit, xiri ta’ 10 mikroskopji għal-laboratorju tal-bijoloġija, materjal u lezzjonijiet għax-xogħol tal-fuħħar, kits tax-xjenza, għamara għall-grawnds fl-iskejjel, tagħmir għall-ġinnastika, art tal-lasktu għal gym ta’ skola kif ukoll taħdita dwar il-permakultura li tippromwovi sistemi ta’ biedja organika.
Filwaqt li faħħret il-parteċipazzjoni tal-iskejjel f’din l-iskema, l-Ministru Giovanna Debono fissret kif din l-iskema hija xhieda oħra tal-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fil-ħidma bla heda b’risq l-istudenti Għawdxin. Żiedet tgħid li dawn il-proġetti ser ikomplu jtejbu l-faċilitajiet u l-ambjenti fl-iskejjel madwar Għawdex u jkomplu jikkumplimentaw il-ħidma kontinwa tal-Ministeru għal Għawdex f’xogħol ta’ tisbieħ u manutenzjoni matul is-sena kollha.
il-Ministru Debono esprimiet sodisfazzjoni fir-rigward tar-riżultati miksuba mill-investiment tal-gvern fil-qasam edukattiv. “Dan jgħodd ukoll għal Għawdex fejn f’dawn l-aħħar għaxar snin rajna n-numru ta’ studenti li jkomplu bl-istudji terzjarji tagħhom jirduppjaw”, qalet il-Ministru għal Għawdex. Hija rreferiet ukoll għaż-żieda li ngħatat fl-għajnuna addizzjonali lil studenti Għawdxin f’Malta li mis-sena 2012 telgħet għal €1,200 kull sena għal kull student.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en