Left arrow Mur Lura

IL-GVERN JGĦIN ŻEWĠ GĦAQDIET VOLONTARJI GĦAWDXIN IWETTQU PROĠETTI B’FONDI TAL-UE

pr0102
Date Icon 23/01/2013

B’għajnuna mill-Gvern permezz tal-Fond ta’ Ko-finanzjament għall-Għaqdiet mhux Governattivi, żewġ għaqdiet volontarji f’Għawdex qed iwettqu proġetti li l-valur tagħhom jaqbeż il-€1.5 miljun u li minnhom se tgawdi s-soċjeta’ Għawdxija kif ukoll it-turiżmu u l-wirt kulturali lokali.

L-Onor. Chris Said,  Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, qal dan dalgħodu waqt li żar wieħed miż-żewġ proġetti li bħalissa qed isiru f’Għawdex minn għaqdiet volontarji u li għalihom kisbu fondi sostanzjali mill-Unjoni Ewropea. F’din l-okkażjoni l-Ministru Said ippreżenta għajnuna finanzjarja li tgħin lill-għaqdiet jiffinanzjaw dik il-parti tal-fondi li l-UE ma tkoprix.

Chris Said spjega li fl-2009 il-Gvern waqqaf Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Mhux Governattivi, li bħal fil-każ tal-Kunsilli Lokali, huwa ntiż li jgħin lil organizzazzjonijiet lokali jwettqu proġetti li għalihom ikunu kisbu fondi mill-UE. Peress li l-UE tiffinanzja sa massimu ta’ 85% tal-valur tal-proġett, il-Ministru Chris Said spjega li dan kien qiegħed iwassal biex il-parti l-kbira tal-għaqdiet f’pajjiżna, inkluż l-għaqdiet volontarji, jaqtgħu qalbhom milli jwettqu proġetti li jinvolvu ċertu investiment għaliex kienu qed isibuha diffiċli biex jiffinanzjaw il-15% jew iktar tal-bqija tal-ispejjeż meħtieġa.

Huwa għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jgħin hu b’mod dirett biex l-inizjattivi li minnhom tkun se tgawdi l-komunità jkunu jistgħu jsiru. B’hekk, permezz tal-għaqdiet ukoll, Malta u Għawdex ikomplu jgawdu dejjem iktar minn fondi mill-UE. Dan minbarra li fuq livell reġjonali, Għawdex ingħata 10% tal-fondi li Malta bħala pajjiż akkwistat mill-UE.

Wieħed miż-żewġ proġetti li llum ingħata għajnuna finanzjarja mill-Gvern hu Ilwien ta’ Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem li qed jgħin lil adoloxxenti żvantaġġjati minħabba diffikultajiet ta’ mġieba nkella lil ġenituri żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u t-18-il sena b’korsijiet akkreditati bil-għan li jtejbu l-potenzjal tagħhom u jakkwistaw iktar ħiliet biex ikollhom iktar possibiltajiet ta’ impjieg. Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ ftit iktar minn €500,000.

It-tieni proġett, bl-isem ta’ Il-Ħaġar - Heart of Gozo qed isir mill-Fondazzjoni Belt Victoria. Dan se jkun l-ewwel Mużew ekoloġiku u interattiv ta’ pajjiżna u se jwassal biex jesponi l-patrimonju rikk tal-kapitali t’Għawdex b’mod innovattiv fil-qalba tal-parti tal-Belt Victoria li tmur lura s-sekli. Il-proġett, li għaldaqstant iżewweġ il-modern mal-istoriku, għandu jservi bħala mezz qawwi ta’ espressjoni kulturali u jikkontribwixi b’mod dirett biex jitkattar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Għawdex waqt li jtejjeb il-prodott turistiku tal-pajjiż. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ iktar minn €1 miljun (inklużi għotjiet sostanzjali minn benefatturi), flimkien ma’ ħidma kbira volontarja. Ix-xogħol infrastrutturali ta’ restawr ta’ bini antik u rijabilitazzjoni ta’ bini iktar modern beda fl-2009 u  l-inawgurazzjoni hi mistennija fil-ġimgħat li ġejjin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow