IL-GVERN JGĦIN ŻEWĠ GĦAQDIET VOLONTARJI GĦAWDXIN IWETTQU PROĠETTI B’FONDI TAL-UE
B’għajnuna mill-Gvern permezz tal-Fond ta’ Ko-finanzjament għall-Għaqdiet mhux Governattivi, żewġ għaqdiet volontarji f’Għawdex qed iwettqu proġetti li l-valur tagħhom jaqbeż il-€1.5 miljun u li minnhom se tgawdi s-soċjeta’ Għawdxija kif ukoll it-turiżmu u l-wirt kulturali lokali.
L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, qal dan dalgħodu waqt li żar wieħed miż-żewġ proġetti li bħalissa qed isiru f’Għawdex minn għaqdiet volontarji u li għalihom kisbu fondi sostanzjali mill-Unjoni Ewropea. F’din l-okkażjoni l-Ministru Said ippreżenta għajnuna finanzjarja li tgħin lill-għaqdiet jiffinanzjaw dik il-parti tal-fondi li l-UE ma tkoprix.
Chris Said spjega li fl-2009 il-Gvern waqqaf Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Għaqdiet Mhux Governattivi, li bħal fil-każ tal-Kunsilli Lokali, huwa ntiż li jgħin lil organizzazzjonijiet lokali jwettqu proġetti li għalihom ikunu kisbu fondi mill-UE. Peress li l-UE tiffinanzja sa massimu ta’ 85% tal-valur tal-proġett, il-Ministru Chris Said spjega li dan kien qiegħed iwassal biex il-parti l-kbira tal-għaqdiet f’pajjiżna, inkluż l-għaqdiet volontarji, jaqtgħu qalbhom milli jwettqu proġetti li jinvolvu ċertu investiment għaliex kienu qed isibuha diffiċli biex jiffinanzjaw il-15% jew iktar tal-bqija tal-ispejjeż meħtieġa.
Huwa għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jgħin hu b’mod dirett biex l-inizjattivi li minnhom tkun se tgawdi l-komunità jkunu jistgħu jsiru. B’hekk, permezz tal-għaqdiet ukoll, Malta u Għawdex ikomplu jgawdu dejjem iktar minn fondi mill-UE. Dan minbarra li fuq livell reġjonali, Għawdex ingħata 10% tal-fondi li Malta bħala pajjiż akkwistat mill-UE.
Wieħed miż-żewġ proġetti li llum ingħata għajnuna finanzjarja mill-Gvern hu Ilwien ta’ Dar Ġużeppa Debono f’Għajnsielem li qed jgħin lil adoloxxenti żvantaġġjati minħabba diffikultajiet ta’ mġieba nkella lil ġenituri żgħażagħ li għandhom bejn l-14 u t-18-il sena b’korsijiet akkreditati bil-għan li jtejbu l-potenzjal tagħhom u jakkwistaw iktar ħiliet biex ikollhom iktar possibiltajiet ta’ impjieg. Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ ftit iktar minn €500,000.
It-tieni proġett, bl-isem ta’ Il-Ħaġar - Heart of Gozo qed isir mill-Fondazzjoni Belt Victoria. Dan se jkun l-ewwel Mużew ekoloġiku u interattiv ta’ pajjiżna u se jwassal biex jesponi l-patrimonju rikk tal-kapitali t’Għawdex b’mod innovattiv fil-qalba tal-parti tal-Belt Victoria li tmur lura s-sekli. Il-proġett, li għaldaqstant iżewweġ il-modern mal-istoriku, għandu jservi bħala mezz qawwi ta’ espressjoni kulturali u jikkontribwixi b’mod dirett biex jitkattar l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Għawdex waqt li jtejjeb il-prodott turistiku tal-pajjiż. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ iktar minn €1 miljun (inklużi għotjiet sostanzjali minn benefatturi), flimkien ma’ ħidma kbira volontarja. Ix-xogħol infrastrutturali ta’ restawr ta’ bini antik u rijabilitazzjoni ta’ bini iktar modern beda fl-2009 u l-inawgurazzjoni hi mistennija fil-ġimgħat li ġejjin.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en