L-2012 KIENET SENA REKORD GĦALL-INDUSTRIJA TAL-CRUISE LINERS
Is-sena li għaddiet ġew Malta 608,786 passiġġier abbord cruise liner
Fl-2012 ġew Malta numru rekord ta’ passiġġieri abbord cruise liners. L-istatistika ppublikata llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li s-sena li għaddiet ġew Malta 608,786 passiġġier. Dan huwa l-ogħla numru ta’ passiġieri qatt reġistrat u jfisser żieda ta’ 52,222 passiġġier fuq l-2011 li wkoll kienet sena rekord. Hu stmat li kull passiġġier li jiġi f’pajjiżna bi cruise liner jonfoq minn tal-inqas €60 waqt iż-żjara tiegħu f’Malta. Għalhekk is-sena li għaddiet hu stmat li l-passiġġieri tal-cruise liners nefqu f’pajjiżna minn tal-inqas €36.5 miljun. Din in-nefqa tfisser kummerċ għal diversi ħwienet, mużewijiet, cafeterias, ristoranti u negozji oħra u tissarraf fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi u tisħiħ tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li xi wħud mill-passiġġieri jirritornaw bħala repeat visitors u għalhekk din l-industrija tikkontribwixxi wkoll lejn it-tisħiħ tas-settur turistiku ta’ pajjiżna.
L-istatistika tal-NSO turi wkoll li f’Diċembru 2012 ġew Malta 18,156 passiġġier li jfisser żieda ta’ 2,419 passiġġier fuq Diċembru 2011.
Dawn ir-riżultati huma riżultat tal-politika għaqlija li qed iwettaq il-Gvern għas-settur turistiku flimkien mal-operaturi attivi f’dan is-settur.
Fl-aħħar snin il-Gvern għamel investiment għal titjib infrastrutturali marbut mal-industrija tal-cruise liners. Fl-aħħar ġimgħat beda is-servizz tal-ferry mill-Cottonera sax-Xatt ta’ Lascaris biex imbagħad wieħed jkun jista’ jitla’ saċ-ċentru tal-Belt bil-Lift tal-Barrakka. Dan għalhekk jgħin ukoll l-aċċessibilità għall-passiġġieri tal-cruise liners lejn il-Belt Valletta u lejn it-tlett ibliet.
Ir-riżultati f’din l-industrija huma wkoll frott tal-koperazzjoni ta’ diversi stakeholders. Fost l-inizjattivi li kienu jeħtieġu l-koperazzjoni ta’ stakeholders fl-industrija hemm is-servizz ta’ homeporting ta’ TUI cruises li beda f’Mejju 2011 u kien ġie kkonfermat għas-sajf tal-2012 u l-2013. Dan wassal biex minbarra li jkollna passiġġieri li jiġu abbord cruise liner u jqattgħu ftit sigħat f’pajjiżna, qed ikun hawn numru ta’ persuni li jiġu permezz ta’ titjira mill-Ġermanja biex jibdew vaganza bi cruise minn Malta.
Il-Gvern, b’impenn wettaq politika għaqlija li qed iġġib riżultati pożittivi għal pajjiżna u li qed jissarfu f’aktar kummerċ u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi. Il-Gvern qed iwettaq l-inizjattivi fil-Politika tat-Turiżmu(2012-2016) li toffri d-direzzjoni għat-tisħiħ tas-settur tal-cruise liners biex fis-snin li ġejjin, b’kooperazzjoni mal-istakeholders tibqa’ titwettaq politika li ssaħħaħ is-settur turistiku u l-ekonomija ta’ pajjiżna li fl-aħħarnett jissarrfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en