L-ISTUDENTI KOLLHA GĦANDHOM IKUNU MEGĦJUNA JIŻVILUPPAW IL-POTENZJAL SĦIĦ TAGĦHOM
“Għalina, l-istudenti kollha, huma min huma u ġejjin minn fejn ġejjin, jixirqilhom l-aħjar servizzi u l-akbar għajnuna biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. L-istudenti tal-Kottonera ma għandhom xejn anqas minn studenti li jgħixu f’żoni oħra tal-pajjiż u jekk megħjuna huma wkoll kapaċi jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom”. Dan sostnietu l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina meta llum inawgurat iċ-Ċentru ta’ Riżorsi li l-Università fetħet fil-Kottonera.
Il-Ministru qalet li minkejja dan it-twemmin l-istatistika għadha turi li ftit huma dawk l-istudenti li jgħixu fil-Kottonera li jkomplu bl-istudji tagħhom fil-livell terzjarju, paragunat ma studenti minn inħawi oħra tal-pajjiż. Iżda r-raġuni għal dan mhix il-ħila tal-istudenti, iżda l-isfond soċjali u kultant familjari li jgħixu fih. Għalhekk l-inizjattiva tal-Università li tiftaħ Ċentru ta’ Riżorsi fil-Kottonera hi pass pożittiv li għandu l-appoġġ sħiħ tal-Gvern.
Il-Ministru Cristina sostniet li biex il-ħidma ta’ dan iċ-Ċentru tirnexxi u tikseb is-suċċess mixtieq hemm bżonn l-għajnuna ta’ kulħadd: edukaturi, ħaddiema soċjali, soċjeta ċivili, parroċċi, kunsilli lokali u fuq kollox ġenituri u l-istudenti nfushom.
Dan iċ-Ċentru irid iservi bħala pont bejn il-komunitajiet ta’ dawn l-inħawi u l-Università. L-iskop hu li nippromwovu l-edukazzjoni għolja u terzjarja billi nibnu fuq il-ħiliet u r-riżorsi eżistenti, nipprovdu l-informazzjoni meħtieġa u sħiħa u ngħinu u niggwidaw biex ninkoraġixxu aktar studenti minn dawn l-inħawi ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li din l-inizjattiva hi frott tal-kollaborazzjoni bejn l-Universita’ u l-Kulleġġ Santa Margerita, xprunata mir-Rettur. Diġà beda proġett pilota ma’ numru ta’ studenti li beda jħalli l-frott u f’Novembru li għadda it-tlett ibliet tal-Kottonera skoprew dak li toffri l-Universita’ b’attivita li saret apposta hawnhekk.
Hi rringrazzjat lir-Rettur u lill-akkademiċi tal-Università li qed jgħinu f’dan il-proġett u partikolarment lil Andrea Dibben li se tmexxi dan iċ-Ċentru u Dr JosAnn Cutajar, Chairperson, kif ukoll lill-Prinċipali tal-Kulleġġ Santa Margerita u lil kulmin ta’ sehmu f’din il-ħidma. Awgurat li bil-kooperazzjoni ta’ kulħadd, dan iċ-Ċentru jilħaq l-iskop li għalih twaqqaf u jibda jagħti riżultati li jissarfu f’aktar studenti li jkomplu bl-istudji post sekondarji u terzjarji tagħhom.
Ir-Rettur tal-Università, Prof. Juanito Camilleri sostna l-impenn tal-Universitaà li tkompli tieħu inizjattivi u toffri programmi biex tilħaq żgħażagħ u adulti u tħajjarhom ikomplu jistudjaw. Iċ-Ċentru tal-Università fil-Kottonera hu pass f’din id-direzzjoni. L-Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Stephen Spiteri attenda għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en