Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊINI L-ĠODDA TAL-AĠENZIJA SAPPORT, SANTA VENERA - IT-TLIETA 22 TA' JANNAR 2013

pr0095
Date Icon 22/01/2013

Onorevoli Ministru

Kap Eżekuttiv

Mistiedna distinti

Sinjuri

Huwa b'sens kbir ta' sodisfazzjon u kburija nazzjonali li qiegħed hawn magħkom illum biex flimkien mhux biss niftħu dawn l-uffiċini l-ġodda imma biex niktbu kapitolu ieħor fl-istorja tal-Aġenzija Sapport.

Bħala Malti, kburi bil-valuri li l-pajjiż u l-poplu jħaddan,  fosthom ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, is-solidarjetà u l-għożża.  Valuri li fuqhom hi msejsa l-Aġenzija Sapport.

Bħala politiku, kburi li nara b'mod tanġibbli kif il-politika tista’ tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.

Bħala Prim Ministru, kburi li dalgħodu qed inkomplu nwettqu l-politika u l-viżjoni sabiex kull wieħed u waħda jkun jista’ jipparteċipa fil-ħajja tal-komunità mingħajr xkiel ta' xejn.

Meta kont għadni ministru responsabbli mill-politika soċjali, ħdimna fuq viżjoni mġedda ta’ fejn ridna mmorru.  Il-pajjiż kien diġà għamel  ħafna fil-qasam tal-persuni b’diżabbiltà, speċjalment bl-għajnuna tal-Knisja, imma ridna nagħmlu pass ieħor fil-mixja li l-pajjiż kien qabad.  Fl-2001 ħassejna l-bżonn li nagħmlu pass ieħor - pass fejn inpoġġu l-persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom fiċ-ċentru tal-komunità.

Għalhekk twaqqfet l-Aġenzija Sapport sabiex tassigura l-mezzi, l-opportunitajiet u s-servizzi lill-persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-komunità. 

Ippermettuli nenfasizza l-kelma dritt.  Għall-Gvern immexxi minni din mhix kelma f'diskors imma hi fuq kollox il-bażi tat-twemmin tagħna.  Twemmin li kulħadd għandu dritt jipparteċipa fil-ħajja tal-komunità u twemmin li s-soċjetà trid tara l-abbiltà ta' kulħadd anke fid-diżabbiltà.  Ma rridux li l-persuna b'diżabbiltà tinbidel għas-soċjetà imma hemm bżonn li s-soċjetà tinbidel u tirrispondi għall-bżonnijiet tal-persuna b'diżabbiltà.  Imsejsa fuq dan it-twemmin, il-politika tal-Gvern hi li naħdmu b'ħilitna kollha sabiex il-persuni b'diżabbiltà jgħixu bla xkiel fil-komunità - mal-familji tagħhom u kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti.

B'dan il-għan, kif smajna mit-testimonjanzi tas-Sur Bugeja u tas-Sur Zahra, l-Aġenzija toffri servizzi ta' sapport fil-komunità li jinkludu assistenza personali, interventi soċjali, servizzi ta' riżorsi u servizzi ta' ħidma soċjali.

Smajna mingħand is-Sur Bugeja u s-Sur Zahra kif l-Aġenzija Sapport irnexxielha tittrasforma l-ħajja tal-persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom.  Qabel, il-persuna u l-familja kienu jfendu u jagħmlu kollox kważi waħedhom. Illum dawn il-familji għandhom servizz personalizzat b'persuni mħarrġa li jżuruhom regolarment biex jgħinuhom.

Permezz tas-servizzi tagħha, l-Aġenzija tilħaq aktar minn 788 persuna kull ġimgħa b’370 ħaddiem.  Dan jinkludi wkoll is-servizzi ta' matul il-jum li qed jingħataw minn 9 ċentri mifruxin madwar Malta. 

Madanakollu, nirrikonoxxu wkoll il-fatt li jkun hemm ċirkustanzi fejn ma jkunx possibbli li persuna b'diżabbiltà tibqa’ tgħix fid-dar tagħha.  Qalbna toħroġ mal-ġenituri u mal-familjari f'dawn iċ-ċirkostanzi.  Għalhekk il-Gvern qiegħed ukoll jinvesti fis-servizzi residenzjali u sa mit-twaqqif tal-Aġenzija Sapport ftaħna sitt idjar residenzjali u s-seba’ waħda f'Birżebbuġa mistennija tilqa’ fiha l-ewwel tfal fil-ġimgħat li ġejjin.  Iva, din id-dar se tkun qed tindirizza l-bżonnijiet partikolari ta' minuri b'diżabbiltà u se tkun qed toffri wkoll servizzi terapewtiċi fil-komunità.  Barra minn hekk il-Gvern jgħin b’mod qawwi lill-għaqdiet non governattivi li jaħdmu mal-persuni b’diżabbiltà.

Il-politika tal-Gvern hi li kemm jista’ jkun il-persuni b'diżabbiltà, anke jekk ikunu qed jibbenefikaw minn servizz residenzjali, jgħixu f'komunitajiet żgħar u mhux f'istituzzjonijiet kbar.  Il-Gvern kommess li permezz ta' din il-politika tingħata aktar attenzjoni individwali kif ukoll jiżdiedu l-opportunitajiet ta' integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fil-ħajja tal-komunità.

Il-Gvern kommess li jkompli jsaħħaħ dan is-settur u jgħin lill-familji ta' persuni b'diżabbiltà.  Il-Gvern se jiftaħ residenza għall-persuni b'diżabbiltà bi sħab ma' għaqdiet volontarji f’Għawdex.  Se nnaqqsu mit-taxxa għal persuni b'diżabbiltà li jħallsu miżati għal residenza fi djar jew ċentri ta' respite.

Sinjuri

Dawn is-servizzi li tipprovdi l-Aġenzija ma jiġux ipprovduti f'iżolament.  Huma ħolqa waħda biss f'katina sħiħa ta' inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern kollu favur il-persuni b'diżabbiltà. 

Ibda mill-edukazzjoni fejn investejna u rriformajna tant.  Ħdimna u investejna għall-edukazzjoni għal kulħadd.  Fis-sistema tal-Kulleġġi tfal b'diżabbiltà jattendu ma’ tfal oħra u nedejna riforma fiċ-ċentri ta' riżorsi.  Qed ninvestu f'edukazzjoni individwali permezz ta' professjonisti kif ukoll permezz ta' apparat u teknoloġija moderna.  Huwa għalhekk ta' sodisfazzjon għalina lkoll li l-Kummissjoni Ewropea tpoġġi lil-Malta fuq quddiem nett fl-inklużjoni ta' studenti li għandhom bżonnijiet speċjali fl-iskejjel.  Fl-iskejjel tal-Gvern illum għandna 2,821 tifel u tifla li għandhom Learning Support Assistant magħhom.  Il-Gvern iħallas ukoll għall-LSAs li għandhom 900 tifel u tifla fl-iskola tal-Knisja u 120 oħra fl-iskejjel privati.  Irridu li wliedna jirnexxu lkoll.

Id f'id mal-edukazzjoni jorbot ix-xogħol.  Nedejna skemi u inizjattivi sabiex aktar persuni b'diżabbiltà jitħarrġu u jsibu xogħol.  L-iskemi kienu suċċess u għalhekk il-Gvern din is-sena jrid li jestendi l-iskema ta’ xogħol għal persuni b'diżabbiltà mal-kunsilli lokali għal għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi oħra sabiex noħolqu 150 impjieg ieħor għal persuni b'diżabbiltà fil-komunità, 50 minnhom f'Għawdex.

Sinjuri

Għall-Gvern, l-iżvilupp ta' pajjiżna ma jitkejjilx biss bl-iżvilupp ekonomiku.  L-għan aħħari tal-politika jibqa’ li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u li jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.

Nemmnu fil-valur tal-persuna, fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna fejn jilħaq il-potenzjal u l-milja tiegħu. Nemmnu fl-abilitajiet ta' kulħadd u l-investiment fl-Aġenzija Sapport huwa xhieda ta' dan.

Qed jirnexxielkom bil-ħidma u bid-dedikazzjoni tagħkom tbiddlu l-ħajja tal-persuni b'diżabbiltà u tal-familji tagħhom.  Illum qed naraw tfal u persuni b'diżabbiltà, imorru fil-kulleġġi tagħna ma’ tfal oħra, imorru l-Università, imorru għax-xogħol u jgħixu ħajja indipendenti.  Għandkom l-ammirazzjoni tiegħi u tal-Gvern immexxi minni.  Tagħmluna kburin b'ħidmietkom.

Filwaqt li nirringrazzja lill-Aġenzija Sapport u lill-ħaddiema kollha tagħha tax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom, nawguralkom aktar ħidma minn dawn l-uffiċini l-ġodda favur is-soċjetà Maltija fis-snin li ġejjin.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow