DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TA’ ĊENTRU SAPPORT - IT-TLIETA 22 TA’ JANNAR 2013
L-okkażjoni tal-lum hi waħda mill-iktar importanti u li tkompli torbot mal-katina ta’ inizjattivi li ħa l-Gvern, anke fl-aħħar ħames snin, għall-qasam tal-persuni b’diżabilità.
Dan hu settur li fih il-Gvern ħadem bis-sħiħ, investa b’mod qawwi u daħħal numru ta’ inizjattivi ġodda. F’din l-aħħar sena li matulha sirt Ministru responsabbli minn dan il-qasam, li hu għal qalbi ħafna, nista’ nixhed dan kollu. B’unur nirrikonoxxu li llum il-persuni b’diżabilita’ qed jingħataw vuċi u importanza aktar minn qatt qabel.
Ftit tal-ġimgħat ilu, b’rabta wkoll mal-Ġimgħa ddedikata lill-Persuni b’Diżabilità, kellna l-opportunità li nirriflettu dwar il-passi kbar ’il quddiem li għamilna:
Ibda mir-rivoluzzjoni fil-ħsieb u l-mentalità tal-poplu Malti u Għawdxi favur persuni b’diżabilita’, għal liġijiet bħal-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs. Issa wkoll ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u anke l-liġi dwar il-Guardianship, li taw qafas ta’ drittijiet ċivili lill-persuni b’diżabilita’ u fl-istess ħin poġġew obbligi fuq is-soċjetà.
Ma nistgħux ukoll ma nsemmux il-progress qawwi fejn jidħlu servizzi u opportunitajiet li l-Gvern –u allura l-pajjiż, mir-riżorsi li niġġeneraw – jagħti lill-persuni b’diżabilità, b’inizjattivi u investiment dirett f’kull wieħed u waħda minkom biex verament inwettqu fil-prattika l-politika tagħna li noħolqu l-opportunitajiet għal kulħadd u noħorġu l-abiltajiet ta’ kull persuna.
Bla dubju li l-ħidma li twettaq l-Aġenzija Sapport kienet waħda mill-fatturi ewlenin li għenu sabiex nagħmlu dan il-pass kbir ’il quddiem. Fl-aħħar sena kelli ċ-ċans insegwi mill-qrib ħafna l-ħidma li twettaq l-Aġenzija mal-persuni b’diżabilità, speċjalment fejn jidħlu l inklużjoni u l integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fid dinja tax xogħol. Żgur li hi sfida li sa ftit snin ilu ma kinitx tingħata l-importanza li qed nagħtuha llum.
Fl-intervent tiegħu ż-żagħżugħ Michael Sciberras għamel riferenza għal uħud mill-opportunitajiet ġodda li qed jingħataw illum:
Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandha l-Aġenzija, is-servizzi fil-komunità li jwasslu għal inklużjoni soċjali liema bħalha, u l-programm Me2 – wieħed mill-ikbar suċċessi f’dan il-qasam, li ġie fuq suġġeriment minnkom il-professjonisti li taħdmu f’dan is-settur, u li għalkemm mhux monument mibni bil-ġebla, hu wieħed mill-ikbar investimenti li għamilna fl-aħħar snin fejn jidħlu l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità biex inqarrbuhom kemm jista’ jkun lejn id-dinja tax-xogħol.
Dan il-programm, li twettaq b’fondi tal-UE u tal-Gvern Malti, wassal biex fi tliet snin għen lil 430 persuna b’diżabilità, id-doppju tal-mira oriġinali, li ngħataw taħriġ u esperjenza ta’ xogħol, inkluż esperjenza ta’ xogħol fl-Ingilterra, li tathom spinta qawwija ’l quddiem f’ħajjithom. U minnu ħarġet il-Koperattiva Me2 li tinkludi lill-istess persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom bil-għan li joffru servizzi lil diversi entitajiet.
Fl-aħħar ftit xhur kelli x xorti li niltaqa’ ma’ diversi minn dawn li ħadu sehem f’dan il-proġett u nista’ ngħid li din kienet esperjenza pożittiva tant li lilna bħala Gvern tatna iktar motivazzjoni biex inkomplu ninvestu fil qasam tad diżabilità. Għalhekk, fl-aħħar Baġit aħna wiegħdna li ser nappoġġjaw lil din il-Koperattiva biex tkun tista’ tkompli bil ħidma tagħha wara li l-proġett intemm f’Diċembru li għadda.
Dan hu l-investiment li rridu nkomplu naħdmu fih u nsostnuh. Għall-ġid tal-persuni b’diżabilità, tal-familja tagħhom, u tas-soċjetà b’mod ġenerali. Dan għax nemmnu li kull wieħed u waħda minna hu validu u għandu kontribut x’jagħti.
Mas-servizzi fil-komunità ma nistax ma nsemmix ir-residenzi fil-komunità li qed jagħtu servizz imprezzabbli lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Dawn jilqgħu fihom persuni b’diżabilità li jgħixu flimkien bħala komunità żgħira taħt saqaf wieħed. Ilkoll persuni bi ħtiġijiet partikolari u f’ħafna każi, bi ħtieġa ta’ attenzjoni indivdiwali anke fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.
Fuq kollox però hemm is-servizz li kull wieħed u waħda minnkom, ħaddiema u amministraturi ta’ Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, qed tagħtu. Servizz li jien stajt nara b’mod dirett kemm fil-verità jfisser missjoni, imħabba u dedikazzjoni li intom ilkoll qed tagħtu lil kull min taħdmu miegħu, minkejja d-diffikultajiet li ħafna drabi niltaqgħu magħhom. Ta’ dan irrid nirringrazzjakom.
Dan iċ-ċentru ġdid li qed ninawguraw illum hu intiż li jgħinkom tiżviluppaw aħjar is-servizzi li toffru, skont il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u tal-familja tagħhom, u anke skont il-ħtiġijiet li jġib magħhom il-progress. Fl-aħħar mill-aħħar l-għan tagħna jibqa’ wieħed: li ngħinu kemm jista’ jkun lill-persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u aktar inklussiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en