Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA, KONSULTAZZJONI PUBBLIKA U L-FAMILJA FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TA’ ĊENTRU SAPPORT - IT-TLIETA 22 TA’ JANNAR 2013

pr0094
Date Icon 22/01/2013

L-okkażjoni tal-lum hi waħda mill-iktar importanti u li tkompli torbot mal-katina ta’ inizjattivi li ħa l-Gvern, anke fl-aħħar ħames snin, għall-qasam tal-persuni b’diżabilità.

Dan hu settur li fih il-Gvern ħadem bis-sħiħ, investa b’mod qawwi u daħħal numru ta’ inizjattivi ġodda. F’din l-aħħar sena li matulha sirt Ministru responsabbli minn dan il-qasam, li hu għal qalbi ħafna, nista’ nixhed dan kollu. B’unur nirrikonoxxu li llum il-persuni b’diżabilita’ qed jingħataw vuċi u importanza aktar minn qatt qabel.

Ftit tal-ġimgħat ilu, b’rabta wkoll mal-Ġimgħa ddedikata lill-Persuni b’Diżabilità, kellna l-opportunità li nirriflettu dwar il-passi  kbar ’il quddiem li għamilna:

Ibda mir-rivoluzzjoni fil-ħsieb u l-mentalità tal-poplu Malti u Għawdxi favur persuni b’diżabilita’, għal liġijiet bħal-Liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs. Issa wkoll ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u anke l-liġi dwar il-Guardianship, li taw qafas ta’ drittijiet ċivili lill-persuni b’diżabilita’ u fl-istess ħin poġġew obbligi fuq is-soċjetà.

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux il-progress qawwi fejn jidħlu servizzi u opportunitajiet li l-Gvern –u allura l-pajjiż, mir-riżorsi li niġġeneraw – jagħti lill-persuni b’diżabilità, b’inizjattivi u investiment dirett f’kull wieħed u waħda minkom biex verament inwettqu fil-prattika l-politika tagħna li noħolqu l-opportunitajiet għal kulħadd u noħorġu l-abiltajiet ta’ kull persuna.

Bla dubju li l-ħidma li twettaq l-Aġenzija Sapport kienet waħda mill-fatturi ewlenin li għenu sabiex nagħmlu dan il-pass kbir ’il quddiem. Fl-aħħar sena kelli ċ-ċans insegwi mill-qrib ħafna l-ħidma li twettaq l-Aġenzija mal-persuni b’diżabilità, speċjalment fejn jidħlu l inklużjoni u l integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fid dinja  tax xogħol. Żgur li hi sfida li sa ftit snin ilu ma kinitx tingħata l-importanza li qed nagħtuha llum.

Fl-intervent tiegħu ż-żagħżugħ Michael Sciberras għamel riferenza għal uħud mill-opportunitajiet ġodda li qed jingħataw illum:

Iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandha l-Aġenzija, is-servizzi fil-komunità li jwasslu għal inklużjoni soċjali liema bħalha, u l-programm Me2 – wieħed mill-ikbar suċċessi f’dan il-qasam, li ġie fuq suġġeriment minnkom il-professjonisti li taħdmu f’dan is-settur, u li għalkemm mhux monument mibni bil-ġebla, hu wieħed mill-ikbar investimenti li għamilna fl-aħħar snin fejn jidħlu l-opportunitajiet għall-persuni b’diżabilità biex inqarrbuhom kemm jista’ jkun lejn id-dinja tax-xogħol.

Dan il-programm, li twettaq b’fondi tal-UE u tal-Gvern Malti, wassal biex fi tliet snin għen lil 430 persuna b’diżabilità, id-doppju tal-mira oriġinali, li ngħataw taħriġ u esperjenza ta’ xogħol, inkluż esperjenza ta’ xogħol fl-Ingilterra, li tathom spinta qawwija ’l quddiem f’ħajjithom. U minnu ħarġet il-Koperattiva Me2 li tinkludi lill-istess persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom bil-għan li joffru servizzi lil diversi entitajiet.

Fl-aħħar ftit xhur kelli x xorti li niltaqa’ ma’ diversi minn dawn li ħadu sehem f’dan il-proġett u nista’ ngħid li din kienet esperjenza pożittiva tant li lilna bħala Gvern tatna iktar motivazzjoni biex inkomplu ninvestu fil qasam tad diżabilità. Għalhekk, fl-aħħar Baġit aħna wiegħdna li ser nappoġġjaw lil din il-Koperattiva biex tkun tista’ tkompli bil ħidma tagħha wara li l-proġett intemm f’Diċembru li għadda.

Dan hu l-investiment li rridu nkomplu naħdmu fih u nsostnuh. Għall-ġid tal-persuni b’diżabilità, tal-familja tagħhom, u tas-soċjetà b’mod ġenerali. Dan għax nemmnu li kull wieħed u waħda minna hu validu u għandu kontribut x’jagħti.

Mas-servizzi fil-komunità ma nistax ma nsemmix ir-residenzi fil-komunità li qed jagħtu servizz imprezzabbli lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Dawn jilqgħu fihom persuni b’diżabilità li jgħixu flimkien bħala komunità żgħira taħt saqaf wieħed. Ilkoll persuni bi ħtiġijiet partikolari u f’ħafna każi, bi ħtieġa ta’ attenzjoni indivdiwali anke fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum.

Fuq kollox però hemm is-servizz li kull wieħed u waħda minnkom, ħaddiema u amministraturi ta’ Aġenzija Sapport u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, qed tagħtu. Servizz li jien stajt nara b’mod dirett kemm fil-verità jfisser missjoni, imħabba u dedikazzjoni li intom ilkoll qed tagħtu lil kull min taħdmu miegħu, minkejja d-diffikultajiet li ħafna drabi niltaqgħu magħhom. Ta’ dan irrid nirringrazzjakom.

Dan  iċ-ċentru ġdid li qed ninawguraw illum hu intiż li jgħinkom tiżviluppaw aħjar is-servizzi li toffru, skont il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u tal-familja tagħhom, u anke skont il-ħtiġijiet li jġib magħhom il-progress. Fl-aħħar mill-aħħar l-għan tagħna jibqa’ wieħed: li ngħinu kemm jista’ jkun lill-persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u aktar inklussiva.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow