Left arrow Mur Lura

AKTAR GĦAQDIET JINGĦATAW PROPRJETAJIET TAL-GVERN SABIEX IKOMPLU JAGĦQDU BL-AĦJAR MOD IL-FUNZJONIJIET TAGĦHOM

pr0092
Date Icon 22/01/2013

Nisa li jbatu mill-marda tal-kanċer se jingħataw post fiss fejn jiltaqgħu

"Il-Gvern huwa kommess li jkompli jgħaddi proprjetajiet lill-diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet, li l-għan aħħari tagħhom huwa li jagħmlu ġid lill-komunità". Kliem il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi waqt ċerimonja qasira li saret kmieni dalgħodu, fejn fiha ġiet trasferita proprjetà tal-Gvern lill-Breast Care Support Group Europa Donna Malta. Il-binja li tinsab fiċ-ċentru tal-Furjana se tkun qed tingħata bħala encroachment għal ħlas ta’ €100 Ewro fis-sena.

Dan il-grupp li ilu mwaqqaf għal 23 sena jħaddan fih ’l fuq minn 80 membru. Is-Sinjura Gertrude Abela, President ta’ dan il-grupp spjegat li l-għan tal-grupp hu li jingħata sapport permezz ta’ diversi laqgħat u sessjonijiet, lil dawk in-nisa kollha li jkunu għaddejjin mit-trawma kerha tal-marda tal-kanċer fis-sider. Is-Sinjura Abela stqarret kif qabel, dan il-grupp ma kellux post fiss fejn jiltaqa’ u minħabba f’hekk kien jorganizza l-laqgħat tiegħu darba fix-xahar biss;  iżda issa, tenniet li permezz ta’ din il-proprjetà, il-grupp se jkollu post iddedikat għalih u b’hekk ikun jista’ jorganizza aktar laqgħat u attivitajiet fih.

Il-Ministru Azzopardi qal li huwa fl-interess ta’ dawn l-għaqdiet li l-Gvern ikompli jalloka aktar proprjetajiet u artijiet għal ġid komuni tas-soċjetà. Huwa qal li l-binja li tinsab fiċ-ċentru tal-Furjana se tkun aktar aċċessibbli għal membri tagħha sabiex dawn b’mod regolari jiltaqgħu f’post kwiet fejn ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jagħtu s-sapport tagħhom lil xulxin. Qal li l-Gvern dejjem  ta l-importanza u l-prijorità lil dawn l-għaqdiet, sabiex ikompli jgħinhom jiffunzjonaw bl-aħjar mezzi. Spjega li fl-aħħar ħames snin il-Gvern għadda 25 il-devoluzzjoni lill-Kunsilli Lokali, kif ukoll 212–il proprjetà lil diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet.

Il-grupp jifforma parti mill-Koalizzjoni ta’ Europa Donna, li l-għan tiegħu huwa fost l-oħrajn li joħloq aktar għarfien fl-edukazzjoni dwar il-marda tal-kanċer tas-sider kif ukoll jipprovdi informazzjoni dwar kura u trattament li teżisti għal din il-marda. Is-servizzi offruti mill-Breast Care Support Unit huma kollha bla ħlas kemm għall-membri kif ukoll għal pubbliku in ġenerali. Is-Sinjura Abela fil-messaġġ tagħħa għamlet kurraġġ lil dawk in-nisa kollha li għaddejjin isofru minn din il-marda sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jirrikorru għall-għajnuna ta’ dan il-grupp.

Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi rringrazzja lil dan il-grupp li tant qed jagħmel ġid fost dawk in-nisa li qed jiġġieldu din il-marda. Ħeġġeġ u nkoraġġixxi lil dawn in-nisa sabiex jissieħbu fi ħdan il-grupp, biex b’hekk ma jħossuhomx waħedhom u jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna kollha li jkollhom bżonn minn nisa oħra, li jkunu għaddew minn din il-marda u li llum qed jerġgħu jgħixu ħajja normali.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow