Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊINI TAL-KORPORAZZJONI TAX-XOGĦOL U T-TAĦRIĠ, FIR-RABAT, GĦAWDEX – IS-SIBT, 19 TA’ JANNAR 2013

pr0082
Date Icon 20/01/2013

Onorevoli Ministri,

Sur Chairman,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Il-ħolqien tax-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex dejjem kien u jibqa’ prijorità għall-Gvern immexxi minni.

Dawn l-uffiċċji l-ġodda tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ġewwa Għawdex jixdhu dan l-impenn tagħna favur il-ħaddiema Għawdxin.  

Għalhekk huwa b’sens ta’ sodisfazzjon li qiegħed hawn illejla.  B’sodisfazzjon għax f’kull wieħed u waħda minkom nara l-valur tal-politika.  Politika li tpoġġi x-xogħol u t-taħriġ fil-qalba tagħha u li tfassal skemi u inizjattivi għall-benefiċċju taż-żgħażagħ, ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin.

L-investiment li sar kemm fl-ekonomija Għawdxija u fil-ħolqien tax-xogħol hu investiment fil-familji tagħna.

Bejn l-2008 u l-2011, l-attività ekonomika ġewwa Għawdex kibret bi qrib it-12% frott tal-investiment privat u tal-Gvern f’din il-gżira.  Investejna f’numru ta’ proġetti kapitali u nedejna numru ta’ skemi sabiex anke l-privat jinvesti.  Dan kollu wassal biex jinħoloq aktar xogħol ġewwa Għawdex.

L-aħħar statistika turi li f’Lulju tal-2012 kien hawn aktar minn 11,470 jaħdmu full-time ġewwa Għawdex, żieda ta’ 6% fuq l-ammont fl-2008.  Filwaqt li l-Korporazzjoni sabet xogħol għal aktar minn 880 persuna ġewwa Għawdex permezz ta’ placements, ġew reġistrati aktar minn 2,900 vacancy reġistrata magħha minn Għawdex.

Sinjuri,

F’Għawdex ukoll, bħal Malta, ħloqna x-xogħol flimkien mas-settur privat.

Dawn ir-riżultati ma ġewx b’kumbinazzjoni.  Investejna f’min iħaddem u fil-ħiliet tal-ħaddiema.  Fost l-iskemi li nedejna b’suċċess kien l-Employment Aid Programme, fejn il-Gvern permezz tal-fondi mill-Unjoni Ewropea ħallas lil min iħaddem nofs il-paga tal-ewwel tnax-il xahar.  Minn din l-iskema, ibbenefikaw 264 employer li impjegaw 617 persuna ġewwa Għawdex b’investiment ta’ 2.5 miljun ewro.  

Il-Gvern investa wkoll fil-Community Work Scheme li wkoll kisbet riżultati pożittivi ġewwa Għawdex.  Din l-iskema hi mmirata għal dawk in-nies li ilhom jirreġistraw u li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad.  Min jitqabbad minn xi Kunsill Lokali jew għaqda non-governattiva u jagħmel xi xogħol fil-komunità jingħata benefiċċju żejjed sa massimu ta 75% tal-minimum wage.  F’Għawdex, 77 persuna qegħdin jibbenefikaw minn din l-iskema.  Din l-iskema tixhed li x-xogħol jibqa’ l-qofol tal-politika tal-Gvern immexxi minni.

Id f’id mad-dinja tax-xogħol insibu l-edukazzjoni u t-taħriġ u hawn ukoll investejna ħafna f’Għawdex.  Tul dawn l-aħħar ħames snin il-Koporazzjoni organizzat 306 kors.  Investejna fil-Work Trial Scheme fejn offrejna opportunità ta’ taħriġ lil aktar minn 470 żagħżugħ li għamlu esperjenza ta’ xogħol f’aktar minn 250 intrapriża.

Sinjuri,

Investejna u ksibna.  Hekk bi ħsiebna nagħmlu fix-xhur li ġejjin.  Gvern immexxi minni huwa kommess li jkompli jinvesti f’Għawdex u joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol għalikom l-Għawdxin ġewwa Għawdex.

Il-Gvern diġà ħabbar diversi proposti għal din is-sena biex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex, fosthom skema ġdida li tagħti opportunità ta’ taħriġ f’impjieg għal perjodu defenittiv lil 200 persuna Għawdxija li qed ifittxu x-xogħol.  Wara li komplejna nġibu aktar xogħol tal-Gvern ġewwa Għawdex se nkompli nsaħħu dan il-proċess ta’ trasferiment ta’ xogħol tal-Gvern.  Skema oħra li ħabbarna hi biex 50 persuna b’diżabilità f’Għawdex jiġu impjegati ma’ għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi.  Ħabbarna wkoll biex jidħlu din is-sena tnaqqis fl-income tax għal kull min jimpjega anqas minn 30 persuna u jinvesti jew jimpjega aktar ħaddiema miegħu. 

Konxji li s-settur privat jibqa’ s-sinsla tal-ekonomija Għawdxija, il-Gvern se jiżviluppa business centre għall-kumpaniji fis-servizzi finanzjarji, riċerka u informatika.  Fl-istess ħin se nkomplu ninċentivaw it-turiżmu lejn Għawdex għax mit-turiżmu jgawdi kulħadd u jinħoloq aktar xogħol.

Sinjuri,

Il-Gvern immexxi minni jemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex.

Il-Gvern se jkompli jinvesti sabiex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex.

Ksibna riżultati f’dan is-sens, iżda mhux biżżejjed, irridu nagħmlu aktar.  Il-ftuħ ta’ dawn  l-uffiċini jixhed l-impenn li nkomplu nkattru aktar xogħol għalikom lkoll.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow