DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊINI TAL-KORPORAZZJONI TAX-XOGĦOL U T-TAĦRIĠ, FIR-RABAT, GĦAWDEX – IS-SIBT, 19 TA’ JANNAR 2013
Onorevoli Ministri,
Sur Chairman,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Il-ħolqien tax-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex dejjem kien u jibqa’ prijorità għall-Gvern immexxi minni.
Dawn l-uffiċċji l-ġodda tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ġewwa Għawdex jixdhu dan l-impenn tagħna favur il-ħaddiema Għawdxin.
Għalhekk huwa b’sens ta’ sodisfazzjon li qiegħed hawn illejla. B’sodisfazzjon għax f’kull wieħed u waħda minkom nara l-valur tal-politika. Politika li tpoġġi x-xogħol u t-taħriġ fil-qalba tagħha u li tfassal skemi u inizjattivi għall-benefiċċju taż-żgħażagħ, ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin.
L-investiment li sar kemm fl-ekonomija Għawdxija u fil-ħolqien tax-xogħol hu investiment fil-familji tagħna.
Bejn l-2008 u l-2011, l-attività ekonomika ġewwa Għawdex kibret bi qrib it-12% frott tal-investiment privat u tal-Gvern f’din il-gżira. Investejna f’numru ta’ proġetti kapitali u nedejna numru ta’ skemi sabiex anke l-privat jinvesti. Dan kollu wassal biex jinħoloq aktar xogħol ġewwa Għawdex.
L-aħħar statistika turi li f’Lulju tal-2012 kien hawn aktar minn 11,470 jaħdmu full-time ġewwa Għawdex, żieda ta’ 6% fuq l-ammont fl-2008. Filwaqt li l-Korporazzjoni sabet xogħol għal aktar minn 880 persuna ġewwa Għawdex permezz ta’ placements, ġew reġistrati aktar minn 2,900 vacancy reġistrata magħha minn Għawdex.
Sinjuri,
F’Għawdex ukoll, bħal Malta, ħloqna x-xogħol flimkien mas-settur privat.
Dawn ir-riżultati ma ġewx b’kumbinazzjoni. Investejna f’min iħaddem u fil-ħiliet tal-ħaddiema. Fost l-iskemi li nedejna b’suċċess kien l-Employment Aid Programme, fejn il-Gvern permezz tal-fondi mill-Unjoni Ewropea ħallas lil min iħaddem nofs il-paga tal-ewwel tnax-il xahar. Minn din l-iskema, ibbenefikaw 264 employer li impjegaw 617 persuna ġewwa Għawdex b’investiment ta’ 2.5 miljun ewro.
Il-Gvern investa wkoll fil-Community Work Scheme li wkoll kisbet riżultati pożittivi ġewwa Għawdex. Din l-iskema hi mmirata għal dawk in-nies li ilhom jirreġistraw u li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad. Min jitqabbad minn xi Kunsill Lokali jew għaqda non-governattiva u jagħmel xi xogħol fil-komunità jingħata benefiċċju żejjed sa massimu ta 75% tal-minimum wage. F’Għawdex, 77 persuna qegħdin jibbenefikaw minn din l-iskema. Din l-iskema tixhed li x-xogħol jibqa’ l-qofol tal-politika tal-Gvern immexxi minni.
Id f’id mad-dinja tax-xogħol insibu l-edukazzjoni u t-taħriġ u hawn ukoll investejna ħafna f’Għawdex. Tul dawn l-aħħar ħames snin il-Koporazzjoni organizzat 306 kors. Investejna fil-Work Trial Scheme fejn offrejna opportunità ta’ taħriġ lil aktar minn 470 żagħżugħ li għamlu esperjenza ta’ xogħol f’aktar minn 250 intrapriża.
Sinjuri,
Investejna u ksibna. Hekk bi ħsiebna nagħmlu fix-xhur li ġejjin. Gvern immexxi minni huwa kommess li jkompli jinvesti f’Għawdex u joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol għalikom l-Għawdxin ġewwa Għawdex.
Il-Gvern diġà ħabbar diversi proposti għal din is-sena biex jinħoloq aktar xogħol f’Għawdex, fosthom skema ġdida li tagħti opportunità ta’ taħriġ f’impjieg għal perjodu defenittiv lil 200 persuna Għawdxija li qed ifittxu x-xogħol. Wara li komplejna nġibu aktar xogħol tal-Gvern ġewwa Għawdex se nkompli nsaħħu dan il-proċess ta’ trasferiment ta’ xogħol tal-Gvern. Skema oħra li ħabbarna hi biex 50 persuna b’diżabilità f’Għawdex jiġu impjegati ma’ għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi. Ħabbarna wkoll biex jidħlu din is-sena tnaqqis fl-income tax għal kull min jimpjega anqas minn 30 persuna u jinvesti jew jimpjega aktar ħaddiema miegħu.
Konxji li s-settur privat jibqa’ s-sinsla tal-ekonomija Għawdxija, il-Gvern se jiżviluppa business centre għall-kumpaniji fis-servizzi finanzjarji, riċerka u informatika. Fl-istess ħin se nkomplu ninċentivaw it-turiżmu lejn Għawdex għax mit-turiżmu jgawdi kulħadd u jinħoloq aktar xogħol.
Sinjuri,
Il-Gvern immexxi minni jemmen fil-potenzjal ta’ Għawdex.
Il-Gvern se jkompli jinvesti sabiex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex.
Ksibna riżultati f’dan is-sens, iżda mhux biżżejjed, irridu nagħmlu aktar. Il-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini jixhed l-impenn li nkomplu nkattru aktar xogħol għalikom lkoll.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en