Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊINI L-ĠODDA TA’ ESS LTD, FL-IMRIEĦEL – IL-ĦAMIS, 17 TA’ JANNAR 2013

pr0069
Date Icon 17/01/2013

Sur Agius,

Onorevoli Ministru,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Huwa dejjem ta’ sodisfazzjon għalija bħala Prim Ministru ninawgura investiment ġdid mis-settur privat.

L-attività tal-lum tixhed id-determinazzjoni tal-imprendituri Maltin speċjalment taż-żgħażagħ li mhux biss ikollhom idea imma jwettqu l-ħolm u l-ideat tagħhom.

Illum qed niċċelebraw is-sagrifiċċju u d-determinazzjoni ta’ Duncan Agius li fl-2001 waqqaf il-kumpanija b’żewġ ħaddiema ġewwa garaxx.

Illum, tnax-il sena wara qegħdin hawn ninawguraw dawn l-uffiċini ġodda u moderni li jilqgħu 30 ħaddiem u li se jkomplu jiżdiedu.

Dan hu l-qawwa tan-negozju.  Il-ħolqien tal-ġid u x-xogħol u ta’ dan is-sidien tan-negozji ż-żgħar u medji u l-intraprendituri għandhom l-ammirazzjoni u l-appoġġ tal-Gvern.

Intom tabilħaqq is-sinsla tal-ekonomija Maltija u r-riżultati pożittivi tal-pajjiż huma r-riżulati tagħkom, frott ħidmitkom u l-investiment tagħkom.

Huwa bil-fiduċja u bl-investiment tas-settur privat li Malta hi kkunsidrata waħda mill-aħjar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, kif stqarret il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel waqt laqgħa li kelli magħha l-ġimgħa li għaddiet. 

Ħloqna aktar xogħol.  Għandna fost l-ogħla livelli ta’ tkabbir ekonomiku u ħolqien tax-xogħol kif ukoll fost l-anqas rati ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Dan għamilnieh flimkien.  Gvern u settur privat fejn ħdimna flimkien.  Il-Gvern nieda inizjattivi u skemi, u fassalna proġetti u investiment kapitali li kollha flimkien iġġeneraw aktar xogħol.  Is-settur privat irrisponda billi investa aktar ukoll u ħoloq aktar impjiegi.

Fost l-oħrajn, taħt l-iskema MicroInvest diġà ffrankaw 12-il miljun ewro f’taxxa wara li aktar minn 1,800 intrapriża investew aktar minn 36 miljun ewro bejniethom.  Il-MicroCredit ukoll kellha rispons pożittiv mis-sidien tan-negozji żgħar u medji.  Sal-aħħar ta’ Diċembru, ibbenefikaw aktar minn 430 SMEs u investew aktar minn 65 miljun ewro. Il-maġġoranza tal-SMEs li bbenefikaw minn din l-iskema ġejjin mis-settur tal-wholesale u retail u dan ikompli jikkonferma l-kontribut importanti li qed jagħtu lill-ekonomija Maltija kemm fit-tkattir tal-investiment u l-ħolqien tax-xogħol. 

L-impenn tagħna jibqa’ li mhux biss inkunu ta’ appoġġ għall-ħidma tagħkom, iżda li fuq kollox insostnu dak li tagħmlu intom b’aktar skemi finanzjarji, b’aktar effiċjenza fosthom anki permezz tal-Business First fejn ġbarna s-servizzi kollha għal min hu fin-negozju taħt saqaf wieħed biex tinqdew aħjar; b’aktar attività ekonomika nkluż bi proġetti li jiġġeneraw ix-xogħol għall-SMEs u fuq kollox b’direzzjoni ekonomika tajba fejn in-negozju u l-kummerċ ikomplu jikbru.

Sinjuri,

Dan kollu li għamilna, kemm għan-negozji permezz ta’ skemi u inizjattivi u kemm permezz ta’ proġetti kapitali, kien possibbli għax żammejna l-finanzi fis-sod.  Mingħajr finanzi fis-sod, ma kienx ikun possibbli li pajjiżna jiġbed aktar investiment u joħloq skemi ta’ għajnuna finanzjarja għal min hu fin-negozju.  Kull skema u inizjattiva daħħalniha b’mod responsabbli għaliex fl-ebda mument ma ridna nipperikolaw il-finanzi ta’ pajjiżna.  Irnexxielna, fejn pajjiżi oħra ma rnexxielhomx u pajjiżna kompla jnaqqas id-defiċit u hu wieħed mill-ftit pajjiżi b’defiċit ta’ anqas minn 3%.  L-aħbarijiet Ewropew joffrulna stampa ċara tal-perikli li jkun hemm meta pajjiż ma jżommx il-finanzi fis-sod.  Żbilanci bla kontroll, jissarrfu fi staġnar, sensji u qgħad.

Bil-finanzi fis-sod inkomplu ninvestu fil-poplu u fin-negozji tagħna.

Pajjiżna għandu bżonn negozji bħal ESS Ltd li jkomplu jinvestu u joħolqu aktar xogħol.

Filwaqt li nifraħ u nirringrazzja lis-Sur Agius tal-fiduċja f’pajjiżna li wera permezz ta’ dan l-investiment nawgura lill-kumpanija aktar suċċessi fil-futur.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow