STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI
Dott. Muscat irid jagħmel Smartcity tiegħu
Dott. Muscat illum ippreżenta SmartCity bħala xi proġett tal-Partit Laburista minkejja li ilu snin jikkritikah u jitfa’ d-dubji fuqu.
L-iżvilupp ta’ SmartCity qed ikompli b’pass mgħaġġel u skond il-kalendarju miftihem mal-investituri li qed jonfqu flushom fih. Fi SmartCity intefqu aktar minn 78 miljun ewro t’investiment kollu privat li qed jibni belt ġdida t’attività ekonomika minflok l-industrial estate mitluq u żdingat t’industriji li jniġġżu li kien hemm qabel.
Dan hu l-akbar investiment privat qatt attirat lejn Malta fis-settur tat-teknoloġija li iżda l-Partit Laburista dejjem seħet u dejjem ried jara jfalli.
Issa li qed jara li l-proġett qed jirrealizza ruħu u l-kostruzzjoni tiegħu qed tavvanza b’pass mgħaġġel, Dott. Muscat qed jippreżentah bħala xi idea tiegħu li jwaħħadha ma’ tal-investituri li qed jibnuh.
Dott. Muscat jgħid li l-bini ta’ SmartCity ħoloq impatt fuq l-ekonomija. L-impatt ta’ SmartCity fuq l-ekonomija hu pożittiv, ħoloq u qed jagħti x-xogħol lill-mijiet ta’ persuni involuti fil-kostruzzjoni ta’ din il-belt jew impjegati mal-fornituri tagħhom, u qed joħloq l-ispazju għal eluf t’impjiegi fis-settur tat-teknoloġija u f’setturi oħra tal-ekonomija.
L-investituri ta’ SmartCity f’kull ewro li jinvestu jikkonfermaw il-fiduċja tagħhom f’Malta u fil-politika tal-Gvern Nazzjonalista għal dan is-settur. Il-proġettazzjonijiet tar-rati t’impjiegi maħluqa li għamlu l-investituri stess kienu effettwati mid-diffikultajiet ekonomiċi dinjija li seħħew mill-2008 lil hawn. Madankollu, l-investituri ta’ SmartCity huma komdi jkomplu jibnu b’pass mgħaġġel din il-belt skond il-pjanijiet oriġinali tagħhom għax jemmnu li l-investiment tal-Gvern Nazzjonalista fl-edukazzjoni u fil-ħolqien tax-xogħol permezz t’investiment ġdid ser irendilhom lura l-qliegħ mill-investiment massiv li qed jagħmlu.
Dott. Muscat issa jrid jagħmel dan is-suċċess tiegħu minkejja li m’hux talli ma ta ebda kontribut għalih talli għal snin sħaħ hu u l-Partit tiegħu raw kif fixkluh.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en