IL-GVERN GĦEN L-IFFINANZJAR TA’ IKTAR MINN 60 PROĠETT TAL-KUNSILLI LOKALI LI GĦALIHOM KISBU FONDI MILL-UE
Bit-twaqqif tal-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali mill-2009 sal-lum il-Gvern għen biex jiġu ffinanzjati 63 proġett jew inizjattiva tal-kunsilli jew entitajiet lokali li jiġbru flimkien numru ta’ kunsilli lokali, u li twettqu b’valur totali ta’ iktar minn €18-il miljun.
Dan qalu l-Ministru Chris Said, responsabbli mill-Ġustizzja, il-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja hekk kif ippreżenta parti mill-għajnuna li qed tingħata mill-Gvern lil ħames kunsilli lokali u tliet entitajiet lokali, li jiġbru flimkien numru ta’ kunsilli lokali, biex dawn iwettqu proġetti li għalihom ikunu kisbu parti sostanzjali mill-fondi meħtieġa mill-UE.
B’din l-għajnuna finanzjarja mogħtija llum, il-Gvern qiegħed jgħin l-iffinalizzar ta’ ħdax-il proġett minn ħames kunsilli lokali u tliet inizjattivi oħra minn tliet entitajiet oħra lokali, b’valur totali ta’ €3.5 miljun.
Il-Ministru Said spjega li iktar kmieni f’din il-leġiżlatura l-Gvern waqqaf Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu qiegħed jgħin lil dawn l-entitajiet lokali jwettqu proġetti tagħhom billi jgħinhom ikopru dik il-parti tal-ispejjeż li ma tiġix iffinanzjata mill-UE. Huwa fakkar li minħabba li l-UE tkopri sa massimu ta’ 85% tal-ispejjeż marbuta ma’ proġetti jew inizjattivi, ħafna kunsilli jew entitajiet lokali kienu qed isibuha diffiċli biex jiffinanzjaw il-15% jew iktar tal-bqija tal-ispejjeż meħtieġa. Huwa għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jgħin hu b’mod dirett biex l-inizjattivi li minnhom tkun se tgawdi l-komunità jkunu jistgħu jsiru. B’hekk u fl-istess ħin, Malta tkompli tgawdi dejjem iktar minn fondi mill-UE.
Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC fakkar kif kunsilli lokali li jużaw is-servizzi tal-MEUSAC qed jibbenefikaw minn servizz professjonali tal-ogħla kwalità. Din l-għajnuna mill-MEUSAC lill-kunsilli lokali ssarrfet f’75 proġett ieħor minn Novembru 2008 b’finanzjament mill-UE li l-valur totali tagħhom jammonta għal ftit iktar minn €11-il miljun. Minbarra dan, bl-għajnuna tal-MEUSAC il-kunsilli jistgħu jiffrankaw eluf ta’ ewro li kien ikollhom iħallsu kieku qabbdu konsulenti privati.
Minbarra l-Birgu, il-kunsilli lokali l-oħra li qed igawdu mill-għajnuna finanzjarja jinkludu lil dak tar-Rabat Għawdex fit-twaqqif ta’ heritage trail, restawr u titjib tal-wirt kulturali fil-lokalità; il-kunsill lokali tar-Rabat Malta fit-twettiq ta’ kampanja edukattiva dwar l-agrikoltura; żewġ proġetti tal-kunsill lokali ta’ Birkirkara, wieħed ta’ restawr ta’ wirt storiku fil-lokalità u l-ieħor ta’ użu iktar għaqli tal-enerġija fil-faċilitajiet ta’ Birkirkara FC; erba’ proġetti tal-kunsill lokali tal-Mellieħa li jinkludu inizjattivi marbuta mal-ambjent rurali tal-lokalità u inizjattivi oħra li minnhom igawdu direttament iż-żgħażagħ.
Proġetti oħra li ngħataw l-għajnuna jinkludu dawk mill-Majjistral Action Group, mill-Gozo Action Group u mill-Fondazzjoni GAL Xlokk fit-twettiq tal-programm LEADER b’inizjattivi individwali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en