ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA TIRRIFLETTI R-RESPONSABBILTÀ FIT-TMEXXIJA FINANZJARJA TA’ PAJJIŻNA
Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li f’Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew indikat li l-Gvern Malti ħa azzjoni effettiva biex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż u b’hekk jikkorreġi s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li l-Baġit 2012 kien fih għodda biex jitnaqqas id-defiċit b’mod sostenibbli. Dan wassal biex il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda l-għeluq tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fil-konfront ta’ Malta.
Il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni, li barra li tirrikonoxxi l-ħidma tal-Gvern fit-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna, tibgħat sinjal qawwi ta’ stabbiltà f’pajjiżna. “Din l-istabbiltà hija essenzjali biex pajjiżna jibqa’ attraenti għall-investitur, barrani u lokali, biex b’hekk jibqa’ jinħoloq aktar xogħol ta’ kwalità produttiv.”
Huwa spjega li “din id-deċiżjoni hija frott ta’ xhur ta’ ħidma responsabbli fejn il-Gvern fittex bilanċ, bejn il-ħtieġa li jixpruna l-ekonomija Maltija – permezz ta’ inċentivi għall-investiment u l-ħolqien tax-xogħol, li jgħin lill-familji Maltin – b’inċentivi bħat-tnaqqis tal-income tax għall-ġenituri li jaħdmu u l-allowance għall-anzjani, iżda wkoll li jsaħħaħ il-konsolidazzjoni fiskali. Dan l-aħħar oġġettiv qed jintlaħaq mhux bl-impożizzjoni ta’ miżuri awsterità li kienu kostretti jimplimentaw Stati Membri Ewropej oħra, jew bit-tnaqqis tan-nefqa f’oqsma bħall-qasam soċjali jew l-edukazzjoni, iżda billi titnaqqas in-nefqa operazzjonali u amministrattiva tal-Gvern u l-entitajiet tiegħu.”
Kuntrarju għall-impressjoni li setgħet ingħatat f’xi artikli fl-istampa llum, il-Gvern mhux se jikkunsidra ebda redundancies minn mal-Gvern, iżda qed isaħħaħ il-politika tiegħu mħabbra fid-Diskors tal-Baġit 2011 li jimpjega persuna waħda għal kull tnejn li jispiċċaw.
Filwaqt li jsostni l-importanza ta’ din l-aħbar, il-Ministru Fenech wissa’ li din is-sena se tkun waħda diffiċli hekk kif il-qagħda ekonomika u finanzjarja internazzjonali ħadet xejra għall-agħar bejn l-aħħar tal-2011 u l-bidu tal-2012. Għaldqstant, huwa spjega li “il-pajjiż għandu jkompli jaħdem biex jipproteġi l-istabbiltà finanzjarja u ekonomika tiegħu, li huma fatturi kruċjali biex nibqgħu nilqgħu għall-isfidi kbar li hemm quddiemna”.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en