ATTI VANDALI FUQ PROĠETTI TA’ AFFORESTAZZJONI F’GĦAWDEX
Il-Ministeru għal Għawdex jikkundanna atti vandali li saru fl-aħħar ġimgħat fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Lambert fil-limiti tax-Xewkija u f’dawk ta’ It-Taksis fil-limiti tal-Qala. Dawn l-atti vandali rriżultaw f’serq jew qirda ta’ 39 siġra, ftit ġimgħat biss wara li ġew imħawla. Dawn kienu jinkludu 18-il siġra tal-ħarrub, disgħa tal-għargħar, ħamsa tal-ballut, waħda tar-rand, tnejn tad-deru, tlieta taż-żebbuġ, u siġra ta’ Ġuda. Dawn is-siġar li huma stmati li jiswew €800, kienu ġew imħawla fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru tal-2012.
It-taħwil ta’ siġar li sar f’dawn is-siti huma parti mill-proġett SIMBIOTIC (Sicily-Malta BIOgeographical Transboundary Insular Connectivity), li għandu l-għan li tiġi mtejba r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali fil-gżira Għawdxija kif ukoll permezz ta’ tisħiħ u mmaniġġjar tal-artijiet protetti fix-Xlokk ta’ Sqallija u f’Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett tħawlu madwar 1000 siġra u arbuxelli f’erba’ siti ta’ sbuħija naturali f’Għawdex, fosthom f’Ta’ Lambert u f’It-Taksis.
Sadanittant f’dawn l-aħħar jiem mis-sit f’Ta’ Lambert ġiet misruqa wkoll billboard li kienet tinkludi informazzjoni dwar dan il-proġett li huwa parzjalment ffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja..
Filwaqt li jikkundanna dawn l-atti vandali, il-Ministeru għal Għawdex iwiegħed li ser jittieħdu l-passi neċessarji biex il-ħsara li saret tiġi rikoverata.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en