DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-PASSING OUT PARADE, TAL-KORP TAL-PULIZIJA, ĠEWWA DIK LI KIENET L-ISKOLA UMBERTO CALOSSO, SANTA VENERA - IL-ĠIMGĦA, 4 TA’ JANNAR 2013
Ebda stat demokratiku ma jista’ jiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini tiegħu jekk ma jkollux forza tal-ordni soda, preparata, dixxiplinata u kapaċi tiġġieled kontra dawk li lil din l-ordni jippruvaw itappnuha. Il-liġijiet huma importantissimi, però huwa l-Korp tal-Pulizija li jrid jara li l-ordni, il-paċi pubblika u l-istabbiltà soċjali tinżamm bl-infurzar tal-liġi.
Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nkun preżenti fil-jum li fih qed tibdew l-karriera tagħkom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Din hija ġurnata li ser tibdlilkom ħajjitkom għax mil-lum il-poplu Malti qed jixħet fuqkom piż u obbligu biex tħarsuh kontra kull min iridlu l-ħsara f’xi forma jew oħra. Biex taqdu dan id-dmir qed jagħtikom għodod b’saħħithom u setgħat li anqas il-President jew jien, bħala Prim Ministru, m’għandi s-setgħa li neżerċita.
M’għandi l-ebda dubju li fl-istudji tagħkom matul dan il-kors li għaddejtu minnu tgħallimtu ħafna u għalhekk tinsabu ppreparati għal dak li ser tiltaqgħu miegħu fit-twettieq ta’ dmirijietkom bħala membri tal-Korp tal-Pulizija. L-ewwel xhur tagħkom fis-servizz ser ikunu determinanti għalikom biex tibdew twettqu dak li tgħallimtu fl-akkademja. Iżda jkun żball jekk taħsbu li tgħallimtu kollox. F’kull soċjetà ssib delinkwenti li ma jirrispettawx ir-regolamenti u jiksruhom għall-gwadann tagħhom. F’xogħolkom tridu dejjem tkunu pass quddiem id-delinkwent, mhux warajh. Għalhekk huwa kruċjali li intom tistinkaw biex tkomplu tkabbru l-għarfien tagħkom tal-liġi u tkomplu tiffamiljarizzaw ruħkom mal-għodod li l-istat poġġa għad-dispożizzjoni tagħkom fil-ġlieda kontra l-kriminal. Dan huwa essenzjali u jkompli jagħtikom il-formazzjoni u l-preparazzjoni meħtieġa biex twettqu l-mandat tagħkom fl-interess tas-soċjetà u skont l-aspettattivi leġittimi tagħha. Huwa f’dan l-isfond ukoll li se tibqgħu tirċievu taħriġ formali b’mod regolari mill-Akkademja matul il-karriera tagħkom fil-Korp. Iżda tridu tmorru pass oltre minn hekk. L-isforz biex intom ittejbu lilkom infuskom bħala membri tal-Korp għandu jkun parti mill-istil ta’ ħajja li tħaddnu u ma jieqaf qatt. Illum il-Korp joffri prospetti ta’ progress fil-karriera li snin ilu kienu biss aspirazzjoni, iżda li issa saru realtà. Għandkom tkunu minn ta’ quddiem biex tgħarfu dawn l-opportunitajiet u taħdmu biex fil-futur mhux imbiegħed tkunu f’pożizzjoni li tieħdu vantaġġ minnhom għall-benefiċċju tagħkom personali kif ukoll tal-Korp.
Il-maġġoranza kbira tal-pubbliku Malti għandha fiduċja fil-Pulizija u intom għandkom id-dmir li din il-fiduċja żżommuha għolja. Inħeġġiġkom biex tistinkaw sabiex tagħtu l-kontribut tagħkom biex din il-fiduċja tkompli tikber. Il-Gvern ma qagħadx lura biex isaħħaħ idejn il-Pulizija fil-ġlieda tagħha biex tipproteġi liċ-ċittadin u tiġġieled il-kriminalità, u dan bid-diversi emendi li saru fil-Kodiċi Kriminali. Dan, abbinat mal-isforzi tal-membri tal-Korp wasslu biex fl-aħħar sitt snin ikun hemm tnaqqis fir-rata tal-kriminalità f’Malta u Għawdex. Intom għandkom id-dmir li din, fejn hu possibbli, tkompli tonqos.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-karriera ta’ Pulizija fiha wkoll ħafna sodisfazzjon. Sodisfazzjon li intom ser tkunu t-tarka taċ-ċittadin biex tiżguraw li aħna lkoll inkunu nistgħu ngħixu f’komunità iktar sigura fejn iċ-ċittadini, anzjani, adulti, żgħażagħ u tfal ikunu jistgħu jgħixu b’iktar serħan tal-moħħ.
Irrid nuri l-apprezzament tiegħi wkoll lejn il-familji tagħkom, li mingħajr is-sostenn tagħhom żgur li ma kontux taslu sa hawn. Importanti li dan is-sostenn jibqa’ matul il-karriera tagħkom fil-Korp, minkejja r-riskji u l-ħin twil u s-sagrifiċċju li din iġġib magħha. B’hekk ikun ħafna aktar possibbli biex il-karriera tagħkom tissarraf f’suċċess b’riżq akbar għal komunità in ġenerali.
Il-ħidma tagħkom hi waħda delikata. Titlob impenn qawwi. Intom, tkunu ta’ għajnuna u appoġġ f’sitwazzjonijiet delikati fejn in-nies ikunu għaddejjin minn mumenti jew trawmi diffiċli ħafna. Għalhekk kulma tagħmlu jkollu impatt fuq in-nies li tkunu f’kuntatt magħhom, fuq ħajjithom u fuq ħajjet dawk li jiddependu minnhom u qrabathom, partikularment il-minuri.
Permezz tax-xogħol tagħkom, il-protezzjoni li tagħtu liċ-ċittadin, u l-ħarsien tal-ordni pubbliku toffru s-serħan il-moħħ li l-poplu Malti jgawdi llum, dak is-serħan il-moħħ li huwa tant kruċjali biex poplu jgawdi u jgħix kwalità ta’ ħajja tajba u kif jixraqlu.
Aħna, min-naħa tagħna, nibqgħu determinati li nkomplu nsaħħu idejn il-Korp fil-ġlieda kontinwa kontra l-kriminalità b’investiment qawwi kemm f’apparat bħalma huma l-laboratorju tad-DNA, il-vetturi moderni li llum naraw fit-toroq, l-apparat tal-fingerprints; f’infrastrutura bħall-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja li x-xogħol fuqha issa mexa ġmielu, kif ukoll f’tisħiħ tar-riżorsi umani.
Is-sena li għaddiet daħħalna fis-seħħ, pakkett ta’ titjib finanzjarju għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Għall-ewwel darba daħħalna wkoll Police Force Allowance. Mad-dħul tagħkom fil-Korp, intom ukoll ser tkunu qed tgawdu minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ rimunerazzjoni aħjar.
Għal darb’oħra nifirħilkom għall-ġurament li ħadtu llum u nawguralkom karriera twila u ta’ suċċess fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en