STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-ħarsien tal-pazjenti Għawdxin jibqa’ prijorita ewlenija tal-Ministeru għal Għawdex
Fil-waqt li jirreferi għall-istqarrija maħruġa aktar kmieni mill-Partit Laburista, il-Ministeru għal Għawdex jiddeplora l-attitudni propogandistika tal-istess stqarrija, intenzjonata biss biex tikseb gwadann politiku a skapitu tal-interess tal-pazjenti Għawdxin.
Il-Ministeru għal Għawdex jixtieq jiċċara l-fatti relatati.
Filwaqt li hu minnhu li l-apparat tal-isterilizzazzjoni tal-istrumenti tal-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jinsab bil-ħsara, ma huwiex minnhu li din il ħsara saret minħabba li ma saritlux il-manutenzjoni meħtieġa. Żewġ persuni teknici mid-dipartiment tas-CSSD jieħdu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dan l-apparat b’mod regolari.
Il-ħsara li żviluppat dan l-aħħar hija biss ħsara normali li tista’ tiġri. Sakemm jaslu li-spare parts li diġà ġew ordnati, ġew meħuda l-miżuri kollha meħtieġa sabiex is- servizz ikun jista’ jibqa għaddej b’mod normali. Għalhekk ġie deċiż li jkun aħjar li l-istrumenti tal-operazzjonijiet jintbagħtu Malta. B’hekk setgħa wkoll jiġi assigurat li l-proċess ta’ diżinfettar isir kif suppost mingħajr riskju għall-pazjenti.
Il-Ministeru għal Għawdex isostni li dan kollu sar fl-interess tal-pazjenti biex jiġi assigurat li dawn ma’ jgħaddu minn ebda riskju żejjed. Għal kuntlarju ta’ dak li tgħid l-istqarrija ma huwiex minnu li jista’ jkun hemm każ li ma jkunx hemm strumenti biżżejjed għall-operazzjonijiet jew trattamenti oħra. Dan għaliex ġiet assigurata kollaborazzjoni stretta bejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Mater Dei, li permezz tagħha l-istrumenti tal-isptar ta’ Għawdex qed jigu sterilizzati bi priorità. Dan il-proċess qed jiġi eżegwit puntwalment u l-istrumenti qed ikunu lesti f’ħin qasir fl-istess ġurnata biex ikunu jistgħu jintbagħtu lura Għawdex.
Nassiguraw lill-kelliema tal-Partit Laburista li dan il-Gvern dejjem żamm lil Għawdex fuq quddiem nett tal-prijoritajiet. Dan jgħodd b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa fejn f’dawn l-aħħar snin sar investiment kontinwu li baqa’ jtejjeb l-infrastruttura biex b’hekk ġew miżjuda u mtejba s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Investiment ta’ miljuni ta’ ewro li ssarfu fl-introduzzjoni tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek, Hyperbaric Unit ġdida, żewġ ambulanzi ġodda, proġetti ta’ manutenzjoni u tisbiħ fis-swali, l-eliminazzjoni tas-saqaf qadim tal-asbestos li kien jinħtieġ investiment qawwi u xogħol intensiv, l-egħluq tal-inċineratur, xiri ta’ sodod mekkanizzati u għamara oħra għas-swali. Investiment ta’ aktar minn €3 miljun li ssarraf fit-twaqqif ta’ Dipartiment tar-Radjoloġija ġdid attrezzat b’apparat mill-aktar modern li kien jinħtieġ investiment ta’ aktar minn €1.2miljun oħra biex jiġi kollegat mal-apparat f’Mater Dei u dipartimenti oħra f’Malta. Dan il-proġett jinkludi wkoll ristrutturar estensiv fl-Operating Theatres fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li fi ftit ġimgħat oħra ser ikunu qed jgħollu mhux ftit il-livell tas-servizzi f’dan l-isptar u s-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. Dawn il-proġetti qed ikunu kumplimentati wkoll b’ristrutturar estensiv fil-kurriduri kollha tal-isptar li minbarra li jsebbħu d-dehra ġenerali qed jippreparaw ukoll is-servizzi marbuta ma’ proġett ta’ aktar minn €3.5miljun li permezz tiegħu ser tiġi nstallata Combined Heat and Power System li ser iżżid l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tas-sħana u misħun madwar l-isptar filwaqt li tinkludi wkoll installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaiċi li ser inaqsu d-dipendenza fuq enerġija ġġenerata miż-żjut.
Mhux talli dan il-Gvern ma xxaħħaħx ma Għawdex, iżda minkejja l-kriżijiet finanzjarji li ħakmu lid-dinja l-gżira ta’ Għawdex baqgħet fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern tul il-leġiżlatura kollha. L-Għawdxin ma humiex ser igawdu biss minn dak kollu li ġie implimentat iżda ser jibqgħu igawdu mill-frott tal-ħidma ta’ dan il-Gvern f’dak kollu li ġie ppjanat u wasal fi stadu ta’ implimentazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en