MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU
Ħuti Maltin u Għawdxin
Il-festi tal-Milied u tal-ewwel tas-sena jġibu magħhom l-opportunita’ li nagħtu ħarsa lejn is-sena li tkun qed tintemm, waqt li nħarsu wkoll lejn is-sena l-ġdida.
Il-kliem ftit għandu saħħa jekk ma jkunx rifless f’għemil. U kull għemil irid ikun ibbażat fuq dak li nemmnu, fuq dak li hu l-aħjar għall-poplu u għal pajjiżna. Kull għemil irid ikun mibni fuq l-għażliet it-tajba li jħallu l-frott. Għażliet li jsaħħu s-solidarjeta’, il-ġid komuni u jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tiegħek, ta’ uliedek, ta’ qrabatek u l-għeżież tiegħek.
Is-sena elfejn u tnax kienet żmien ieħor li fih rajna lil pajjiżna jilqa’ għall-kriżi ekonomika internazzjonali. L-aħbarijiet internazzjonali joffrulna l-ħin kollu r-riġa li biha nistgħu nkejlu r-realta' taghna u dak li għaddej madwarna.
Din kienet sena oħra fejn kellna nagħmlu diversi għażliet biex pajjiżna jkun jista’ jkompli joħloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ li jkunu temmew l-istudji tagħhom, għall-ħaddiema li jkunu jixtiequ jbiddlu l-post tax-xogħol tagħhom, għall-ommijiet li jagħżlu li jidħlu lura f’impieg u għall-anzjani li jixtiequ jibqgħu jaħdmu. Fl-istess waqt saħħaħna u żidna l-opportunitajiet ta’ taħriġ biex min irid jidħol f’impjieg jakkwista ħiliet ġodda biex ikun jista’ jaħdem.
L-impjiegi naħdmu għalihom kuljum. Għażla waħda żbaljata tista’ tipperikola l-kisbiet li saru u titfa’ lill-ħaddiema fl-inkwiet. Din hi esperjenza li sfortunatament qed iġarrbu ħaddiema f’pajjiżi oħra fejn qed jaraw il-qgħad jiżdied. F’pajjiżna għamilna l-għażliet bil-għaqal biex jiżdiedu l-impjiegi. Dan għamilnih flimkien u bil-kontribut tal-ħafna – is-settur privat, kumpaniji, is-sidien tan-negozji żgħar u medji, is-sidien tal-fabbriki, lukandiera u sidien ta’ restaurants u operaturi oħra fil-qasam turistiku, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-unions. Bil-kapaċita’ u l-ħila tagħkom il-ħaddiema, il-Gvern setgħa jiġbed aktar investiment privat lejn pajjiżna biex jinħolqu aktar impjiegi.
Bħalma Gvern il-ħin kollu jagħmel l-għażliet, intom ukoll fil-ħajja tagħkom tagħmlu l-għażliet tagħkom, dwar l-edukazzjoni, l-istil ta’ ħajja li tgħixu, dwar saħħitkom.
Kull ġenitur ifittex li jagħmel l-aħjar għażliet għal uliedu. Bl-għażliet li jsiru fl-edukazzjoni tkunu qed issawwru l-ġejjieni ta’ uliedkom. Dan hu privileġġ, daqskemm hi responsabbilita’ kbira. Il-Gvern jaqsam din ir-responsabbilita’ magħkom, billi jagħżel kif l-aħjar jiġu investiti r-riżorsi finanzjarji ta’ pajjiżna. Bid-deċiżjonijiet li nieħdu llum fit-tmexxija tal-pajjiż, inkunu qed nifirxu t-triq għal dak it-tifel li illum qiegħed f’childcare centre, iżda ftit snin oħra se jkun qiegħed jagħżel liema suġġetti se jkompli jistudja meta jkun fis-sekondarja; jew għal dik it-tifla li llum qegħda fl-iskola sekondarja u ħames snin oħra se tkun qed isegwi kors l-MCAST, l-ITS jew l-Universita’ u tkun fuq l-għatba tal-ewwel impjieg tagħha. Insellem lill-edukaturi tagħna, li f’idejhom nafdaw l-aqwa teżor li għandna – uliedna. Nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom.
Żmien il-Milied iwassalna biex niffukaw aktar fuq is-solidarjeta’. L-akbar prova ta’ kemm pajjiż hu solidali, tingħata bis-servizzi tas-saħħa. Għalkemm dejjem jibqa’ xi ttejjeb, min imiss mas-servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżna, jaf bil-kwalita’ għolja tas-servizzi ta’ prevenzjoni, eżamijiet u kura li tingħata f’pajjiżna. Is-servizz tas-saħħa b’xejn f’pajjiżna hi gawhra li ftit huma l-pajjiżi li għandhom bħalha. Lejl u nhar, il-ħaddiema jagħtu l-għajnuna lil min ikun għaddej minn mumenti ta’ ferħ bħalma huma lill-ġenituri waqt it-twelid tat-tfal, iżda wkoll ikunu ta’ spalla għal min ikun għaddej minn mumenti ta’ qtiegħ il-qalb, li l-mard iġib miegħu. Il-ħaddiema tal-qasam mediku jixirqilhom il-gratitudni tagħna lkoll. L-għażla li intom għamiltu dwar il-karriera tagħkom għandha impatt qawwi fuq kull min b’xi mod ikollu kuntatt magħkom.
Izda, il-poplu Malti u Għawdxi, mhux biss fis-saħħa juri solidajreta’. Meta s-sena li għaddiet il-poplu Libjan kien qiegħed jissielet għad-drittijiet tiegħu, għamilna għażliet dwar kif se ngħinu lill-poplu Libjan kontra r-reġim li kien imexxi. Tajna sura konkreta lis-solidarjeta’. F’Ottubru li għadda f’pajjiżna ltaqa’ s-Summit imsejjaħ 5+5. Din kienet l-ewwel laqgħa mit-trasformazzjoni storika li saret fejn popli qamu għad-drittijiet tagħhom kontra d-dittaturi ta’ pajjiżhom. Madwar il-mejda tad-diskussjoni kien hemm ukoll tliet mexxejja eletti demokratikament li ħadu post id-dittaturi. Kburin li l-poplu Malti għamel l-għażliet it-tajba u tajna kontribut fl-iżvilupp storiku tar-reġjun.
Is-sena d-dieħla, se tkun is-sena Ewropea taċ-Ċittadini. Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea għażilna li niffukaw fuq din it-tema biex aħna inkunu aktar konxji ta’ dak li jagħmilna ewropej u d-drittijiet u opportunitajiet li din iċ-ċittadinanza ġġib magħha fosthom fl-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ u fl-impjiegi. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkompli jinnegozja dwar il-pakkett finanzjarju għal Malta mill-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin mill-2014 sal-2020. Negozjati iebsin imma se nirsistu biex isiru l-aħjar għażliet għal Malta. Fl-2017, Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Ħarset l-Ewropa se tkun fuq pajjiżna, fuq id-deċiżjonijiet li nieħdu u kif neħduhom. Din hi responsabbilita’ kbira li l-Gvern irid iġġor b’għaqal f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Is-sena d-dieħla se tkun is-sena li fiha inti se tkun qed tagħmel l-għażla għall-Gvern li trid li jmexxih l-pajjiż għall-ħames snin li jmiss. Kull elezzjoni hi avveniment importanti f’demokrazija, fejn int tagħżel u tieħu deċiżjoni għalik, għall-familja tiegħek u għal pajjiż. Matul dan il-perjodu pajjiżna se jkompli juri l-kredenzjali demokratiċi tiegħu f’dibattitu ħaj dwar l-għażliet għall-ħames snin li ġejjin. Żmien fejn niddiskutu kif se nibnu fuq il-kisbiet li għamilna u nagħmlu l-għażliet li jsawwru l-futur tiegħek u ta’ pajjiżna.
Minn qalbi nawguralek il-Milied it-tajjeb u sena mimlija risq u hena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en