INVESTIMENT F’INTRAPRIŻA ĠDIDA MINN KUMPANIJA LI TOPERA F’GĦAWDEX
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, attendiet għall-inawgurazzjoni ta’ prodotti ġodda li jolqtu diversi ħtiġijiet fl-industrija tal-bini u f’xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni u dekorazzjoni tal-bini. Dawn il-prodotti ser ikunu l-ewwel tax-xorta tagħhom manifatturati lokalment. Dan permezz ta’ investiment sostanzjali li sar minn kumpanija li għal dawn l-aħħar 30 sena kienet topera f’dan is-settur anke bħala aġenti ta’ prodotti simili ewlenin manifatturati barra minn Malta.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-prodotti RAproducts, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex faħħret din l-inizjattiva ġdida tal-kumpanija RA & Sons Ltd u fissret kif dan l-investiment jixhed il-kuraġġ u l-ħila tad-diretturi ta’ din il-kumpanija li bħal ħafna imprendituri Għawdxin għarfu dejjem jibdlu l-isfidi f’opportunitajiet. Il-Ministru għal Għawdex iddeskriviet din l-intrapriża ġdida bħala wirja ta’ fiduċja fil-potenzjal tar-riżorsi lokali li jinkorporaw ukoll il-ħila u l-kapaċita tal-ħaddiem Malti u Għawdxi. Fuq kollox jixhed ukoll ir-riżultati miksuba mill-Gvern li b’deċiżjonijiet għaqlin u responsabbli għaraf jilqa’ għall-isfidi kbar li ġġenerat il-kriżi ekonomika globali tul dawn l-aħħar snin. ‘Għalhekk l-investiment ġdid li qed tagħmel din il-kumpanija jikseb valur addizzjonali u jirrifletti wkoll il-ħila ta’ bosta imprendituri Għawdxin oħra li kienu wkoll ta’ kontribut biex pajjiżna setgħa jilqa’ għal dawn l-isfidi’, qalet il-Ministru Giovanna Debono.
Hija żiedet tfisser kif il-qasam tan-negozji ż-żgħar huwa element li għandu relevanza qawwija fil-qasam tax-xogħol f’Għawdex. Fl-2011 in-numru ta’ dawk li jaħdmu għal rashom f’Għawdex kien jammonta għal 2,082 persuna li jfisser għaxra fil-mija tas-self employed kollha f’Malta u Għawdex. Fl-istess sena kienu reġistrati 4,076 intrapriża f’Għawdex li kienu jħadmu sa disgħa minn nies. Dan ifisser li l-intrapriżi żgħar f’Għawdex kienu jlaħqu 6.5% fil-mija ta’ din il-kategorija fuq livell nazzjonali.
Is-sur Raymond Attard, direttur ta’ RA & Sons Ltd spjega kif wara li ilu jopera f’dan is-settur għal aktar minn 30 sena, sentejn ilu beda l-proċess f’din l-intrapriża ġdida. ‘Nemmen bi sħiħ li l-prodott manifatturat lokalment huwa tal-aqwa kwalità u fuq kollox adattat għall-ħtiġijiet tas-suq lokali kif ukoll dak barrani’, qal is-sur Attard.
Waqt l-inawgurazzjoni ingħatat aktar informazzjoni teknika u dettaljata lil dawk preżenti dwar dawn il-prodotti li ġew introdotti fis-suq mill-kumpanija RA & Sons Ltd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en