IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JŻUR LIR-RESIDENTI FIL-FACILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN
“Dan iż-żmien għandkom tużawh bħala tħejjija biex toħorġu minn hawn mibdulin. Li wieħed jittama, jkun qed jagħmel bidla fl-intern tiegħu. Nixtieq li tutilizzaw kull wieħed minnkom, il-ħin li għandkom hawn u tħarsu lejn l-esperjenza tagħkom biex titgħallmu minnha”
Dan qalu l-President George Abela waqt iż-żjara li għamel lir-residenti fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin. Mal-wasla tiegħu fil-Faċilità, l-President Abela ġie milqugħ mid-direttur Abraham Zammit li laqqgħu mal-amministraturi u l-gwardjani tal-Faċilità.
Kienet ix-xewqa tal-President George Abela li jagħmel din iż-żjara sabiex f’dawn il-ġranet ta’ festi, jiltaqa’ ma’ dawk li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Matul iż-żjara tiegħu l-President Abela segwa drama mtella’ mir-residenti b’tema marbuta ma’ dawn iż-żminijiet u wkoll esebizzjoni ta’ fotografija mtella’ mir-residenti stess.
Il-President Abela ħeġġiġhom biex iż-żmien jużawh anki permezz ta’ opportunitajiet fosthom li jistgħu jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom. Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-President George Abela ppreżżenta numru sostanzjali ta’ kotba bil-Malti għall-librerija tal-faċilità. Dawn ġew mogħtija wara li l-uffiċċju tal-President għamel rikjesta lill-Akkademja tal-Malti sabiex jagħmlu kuntatt ma’ Awturi u pubblikaturi ta’ xogħlijiet bil-Malti sabiex il-librerija tal-Faċilità korrettiva ta’ Kordin tkun fornuta b’dawn il-kotba. Il-kotba ġew mogħtija minn:
Klabb Kotba Maltin
Merlin
SKS
Outlook
Faraxa
Għaqda Poeti Maltin
PIN
U wkoll xogħlijiet mingħand Awturi :
Maurice Mifsud Bonnici,
Charles Coleiro,
Charles Casha,
Jesmond Grech u
Salv Sammut.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-ktieb għen wkoll biex jinġabru dawn il-kotba u ssir din il-preżentazzjoni sabiħa għall-librerija tal-Faċilità
Fi tmiem iż-żjara tiegħu, l-President George Abela ġie mogħti tifkira mingħand ir-residenti. Il-President Abela awguralhom li dan iż-żmien iservi ta’ riflessjoni u wkoll awgura l-isbaħ affarijiet lilhom u l-familji kollha tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en