Left arrow Mur Lura

FTEHIM KOLLETTIV GĦALL-ĦADDIEMA AMINISTRATTIVI, TEKNIĊI U INDUSTRIJALI TAL-UNIVERSITÀ

pr2803
Date Icon 21/12/2012

Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u għajnuna għal żvilupp professjonali

Il-ħaddiema amministrattivi, tekniċi u Industrjali tal-Università ta’ Malta se jibdew igawdu minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol, partikolarment żieda fis-salarji, introduzzjoni ta’ prattiċi li joffru bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u riżorsi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw professjonalment.

Dan il-Ftehim Kollettiv kien iffirmat dalgħodu mir-Rettur tal-Università Prof. Juanito Camilleri u l-Viċi Kanċillier Bernie Mizzi u mis-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin  Josef Vella u rappreżentanti tal-ħaddiema fl-Università.

Il-ħaddiema li se jibbenefikaw minn dan il-ftehim issa se jkollhom struttura ġdida ta’ gradi. Il-gradi u l-kategoriji tal-ħaddiema ġew definiti aħjar u issa hemm stabbilit x’inhuma r-rekwiżiti biex wieħed jidħol fi grad partikolari u kif minn dak il-grad il-ħaddiema jista’ jkompli miexi ’l quddiem.

Fil-ftehim ta’ qabel kien hemm 105 grad differenti li issa ġew assimilati fi 68 grad u dan fl-interess tal-ħaddiema. Gradi li kienu okkupati minn ħaddiem wieħed biss tneħħew u kienu assimilati fi gradi ogħla.

Dan l-eżerċizzju fih innifsu diġà ta numru ta’ vantaġġi lill-ħaddiema.  Iżda l-Ftehim kollettiv ma jieqafx hemm.  Hemm titjib sostanzjali wkoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.

1. Qegħdin jiddaħħlu arranġamenti ta’ xogħol felssibbli;

2. L-Università qed tintrabat li sa Settembru li ġej tintroduċi sistema adegwata li tirreġistra l-attendenza u l-ħinijiet tax-xogħol;

3. Qed tkun introdotta sistema ġdida ta’ Teleworking li tinkludi wkoll kuntratt li l-impjegati jkunu mitluba jiffirmaw jekk it-talba tagħhom biex jaħdmu bit-telework tkun milqugħa;

4. Il-fondi allokati għall-work resources tal-ħaddiema se jkunu rduppjati minn €70,000 għal €150,000 sal-2016, sakemm hu  validu dan il-ftehim kollettiv.

Il-ftehim jipprovdi wkoll għal Kodiċi ta’ Etika li jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet moderni ta’ istituzzjoni bħalma hi l-Università.

Il-ħaddiema kollha se jieħdu żieda fis-salarju kull sena bejn l-2012 u l-2016.  Iż-żieda medja se tkun ta’ €500 fis-sena.  Dan ifisser li l-Università se tidħol għal spiża aktar ta’ €300,000 fis-sena.

Qed ikunu introdotti wkoll numru ta’ policies ġodda li jolqtu s-safar fuq xogħol, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, policy dwar it-Telework, il-fastidju sesswali u policy dwar il-fastidju u l-bullying.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina li ppresediet l-iffirmar tal-Ftehim qalet li “permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed ikompli juri l-impenn tiegħu li naraw l-Università tagħna tkompli miexja ’l quddiem. Investejna bil-kbir fl-infrastruttura u faċilitajiet u issa qed ninvestu wkoll fil-ħaddiema kollha, mill-kbir saż-żgħir.  Aħna nemmnu li s-sehem ta’ kulħadd hu meħtieġ għall-ġid tal-Università, tal-istudenti tagħha u tal-pajjiż kollu kemm hu”.

Il-Ministru qalet li apparti l-miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, aspett importanti ieħor tal-Ftehim hu li l-Fond għal Work Resources qed jirdoppja u dan għandu jgħin biex l-impjegati jkompli jiżviluppaw professjonalment u jtejbu l-prospetti ta’ avvanz fil-karrieri tagħhom.

Il-Ministru nirringrazzjat lill-uffiċjali tal-Università li flimkien mal-mexxejja tal-UHM ħadmu bis-sħiħ biex seta’ jintlaħaq dan il-Ftehim Kollettiv, li hu wieħed minn sensiela ta’ Ftehim Kollettiv li l-Ministeru kkonkluda matul din is-sena.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow