FTEHIM KOLLETTIV GĦALL-ĦADDIEMA AMINISTRATTIVI, TEKNIĊI U INDUSTRIJALI TAL-UNIVERSITÀ
Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u għajnuna għal żvilupp professjonali
Il-ħaddiema amministrattivi, tekniċi u Industrjali tal-Università ta’ Malta se jibdew igawdu minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol, partikolarment żieda fis-salarji, introduzzjoni ta’ prattiċi li joffru bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u riżorsi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw professjonalment.
Dan il-Ftehim Kollettiv kien iffirmat dalgħodu mir-Rettur tal-Università Prof. Juanito Camilleri u l-Viċi Kanċillier Bernie Mizzi u mis-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin Josef Vella u rappreżentanti tal-ħaddiema fl-Università.
Il-ħaddiema li se jibbenefikaw minn dan il-ftehim issa se jkollhom struttura ġdida ta’ gradi. Il-gradi u l-kategoriji tal-ħaddiema ġew definiti aħjar u issa hemm stabbilit x’inhuma r-rekwiżiti biex wieħed jidħol fi grad partikolari u kif minn dak il-grad il-ħaddiema jista’ jkompli miexi ’l quddiem.
Fil-ftehim ta’ qabel kien hemm 105 grad differenti li issa ġew assimilati fi 68 grad u dan fl-interess tal-ħaddiema. Gradi li kienu okkupati minn ħaddiem wieħed biss tneħħew u kienu assimilati fi gradi ogħla.
Dan l-eżerċizzju fih innifsu diġà ta numru ta’ vantaġġi lill-ħaddiema. Iżda l-Ftehim kollettiv ma jieqafx hemm. Hemm titjib sostanzjali wkoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema.
1. Qegħdin jiddaħħlu arranġamenti ta’ xogħol felssibbli;
2. L-Università qed tintrabat li sa Settembru li ġej tintroduċi sistema adegwata li tirreġistra l-attendenza u l-ħinijiet tax-xogħol;
3. Qed tkun introdotta sistema ġdida ta’ Teleworking li tinkludi wkoll kuntratt li l-impjegati jkunu mitluba jiffirmaw jekk it-talba tagħhom biex jaħdmu bit-telework tkun milqugħa;
4. Il-fondi allokati għall-work resources tal-ħaddiema se jkunu rduppjati minn €70,000 għal €150,000 sal-2016, sakemm hu validu dan il-ftehim kollettiv.
Il-ftehim jipprovdi wkoll għal Kodiċi ta’ Etika li jirrifletti aħjar il-ħtiġijiet moderni ta’ istituzzjoni bħalma hi l-Università.
Il-ħaddiema kollha se jieħdu żieda fis-salarju kull sena bejn l-2012 u l-2016. Iż-żieda medja se tkun ta’ €500 fis-sena. Dan ifisser li l-Università se tidħol għal spiża aktar ta’ €300,000 fis-sena.
Qed ikunu introdotti wkoll numru ta’ policies ġodda li jolqtu s-safar fuq xogħol, is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, policy dwar it-Telework, il-fastidju sesswali u policy dwar il-fastidju u l-bullying.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina li ppresediet l-iffirmar tal-Ftehim qalet li “permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern qed ikompli juri l-impenn tiegħu li naraw l-Università tagħna tkompli miexja ’l quddiem. Investejna bil-kbir fl-infrastruttura u faċilitajiet u issa qed ninvestu wkoll fil-ħaddiema kollha, mill-kbir saż-żgħir. Aħna nemmnu li s-sehem ta’ kulħadd hu meħtieġ għall-ġid tal-Università, tal-istudenti tagħha u tal-pajjiż kollu kemm hu”.
Il-Ministru qalet li apparti l-miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, aspett importanti ieħor tal-Ftehim hu li l-Fond għal Work Resources qed jirdoppja u dan għandu jgħin biex l-impjegati jkompli jiżviluppaw professjonalment u jtejbu l-prospetti ta’ avvanz fil-karrieri tagħhom.
Il-Ministru nirringrazzjat lill-uffiċjali tal-Università li flimkien mal-mexxejja tal-UHM ħadmu bis-sħiħ biex seta’ jintlaħaq dan il-Ftehim Kollettiv, li hu wieħed minn sensiela ta’ Ftehim Kollettiv li l-Ministeru kkonkluda matul din is-sena.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en