AKTAR BDIEWA SE JIBBENEFIKAW MINN SKEMI TA’ FEJDA LI SE JKOMPLU JGĦINUHOM JIKBRU U JISSAĦĦU
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, u l-Assistent Parlamentari Philip Mifsud, ħabbru żewġ skemi ġodda għal benefiċċju tal-bdiewa u biex aktar żgħażagħ ikunu nċentivati jibqgħu f’dan is-settur.
Il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi, spjega li mill-4 ta’ Jannar li ġej, il-bdiewa se jkunu jistgħu jibbenefikaw primarjament minn żewġ skemi.
• L-ewwel skema tinvolvi l-bdiewa professjonali li sal-lum m’humiex rikonoxxuti mid-Dipartiment tal-Propjeta tal-Gvern iżda jaħdmu biċċa art minflok individwi reġistrati mal-istess Dipartiment. Mill-4 ta’ Jannar, dawn il-bdiewa li għandhom oqsma tal-Gvern u jikkwalifikaw l-kriterji neċċesarji, se jibdew jiġu rikonoxxuti.
• It-tieni skema tinvolvi t-trasferiment ta’ art lill-bdiewa kklassifikati bħala bdiewa professjonali, minn individwi rikonoxxuti mid-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern li minn naħa tagħhom ma jkunux jistgħu jkomplu jikkulvitaw l-art in kwistjoni.
Il-Ministru Azzopardi spjega li hemm bdiewa li jkunu jixtiequ jidħlu f’arranġamenti ma’ bdiewa oħra li jkollhom ir-raba tagħhom fil-madwar, sabiex dawn minn naħa tagħhom jkunu jistgħu jibdew jaħdmu l-art huma minflokhom. Permezz ta’ din l-iskema, wieħed se jkun jista’ jagħmel dan it-trasferiment tal-art tiegħu lill-bidwi oħra mingħajr l-bżonn li toħroġ xi sejħa għall-offerti, sakemm il-bdiewa in kwistjoni ikunu waslu fi qbil li jsir dan it-trasferiment. Il-Ministru Azzopardi spjega wkoll dwar ir-reviżjoni li saret dwar it-trasferinent ta’ art agrikola li tirritorna fil-pussess tad-Dipartiment tal-Artijiet. Huwa spjega kif f’ċertu sitwazzjonijiet, ikun hemm art agrikola li tirritorna għand id-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern minn bdiewa jew membri tal-familji tagħhom li ma jkunux jixtiequ jkomplu jaħdmu l-art. Għal dan il-għan, il-Gvern qed ibiddel il-proċedura preżenti sabiex meta tinħoloq sitwazzjoni bħal din, fis-sejħa għall-offerti għandha tibda tingħata preferenza lill-bdiewa professjonisti li għandhom anqas minn 40 sena.
Il-Ministru Azzopardi qal li din hija bidla radikali oħra li l-Gvern qed jagħmel favur il-bdiewa, sabiex jissalvagwardja l-interessi tagħhom. Huwa qal li l-Gvern jemmen fis-sħiħ fil-potenzjal li jħaddnu l-bdiewa u permezz ta’ dawn l-iskemi ta’ fejda se jkompli jgħin lill-bdiewa kollha full time, sabiex issaħħu u jkabbru x-xogħol tagħhom li tant għandhom dedikazzjoni għalih. Huwa stqarr li mhux eskluż, li ’l quddiem il-Gvern jikkonsidra li jestendi wkoll dawn l-iskemi għall-bdiewa li jaħdmu fuq bażi part time.
L-Onor Philip Mifsud qal li dawn l-iskemi mħabbra dalgħodu jistgħu jidħlu fis-seħħ wara li fil-ġranet li għaddew ġiet approvata mozzjoni fil-Parlament biex ghall-ewwel darba, f’każ ta’ qbiela tal-Gvern biss u f’każ ta’ bdiewa full time, sija wara mewtu jekk il-gabilott imut bla tfal, u sija f’ħajtu (jekk irid), l-qbiela tkun tista’ tghaddi għand ħutu jew in-neputijiet li huma wkoll bdiewa full time. Dan wassal biex illum taħt din il-liġi jibdew jiġu introdotti skemi ġodda għal ġid tal-bdiewa.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, qal li dawn il-miżuri qed isiru għax il-Gvern hu impenjat sabiex ikompli jagħti s-sapport meħtieġ lil dan is-settur u b’hekk jinkoraġixxi lil dan is-settur ikompli jaħdem b’mod sostenibbli. Il-Gvern hu konxju li fil-kompetizzjoni li teżisti, sabiex ikunu kompettitivi, il-bdiewa jridu jkabbru l-oqsma tagħhom billi jkollhom aktar art agrikola x’jaħdmu.
Il-Gvern huwa mpenjat ukoll li jgħin lil bdiewa żgħażagħ biex ikomplu jew jidħlu f’dan is-settur. Dan qed issir kemm bi strumenti finanzjarji kif ukoll permezz ta’ din il-bidla mħabbra llum, fuq kif tiġi trasferita l-art agrikola li hi propjeta tal-Gvern.
Il-Ministru Pullicino qal ukoll li l-investiment li sar fl-aħħar snin fis-settur agrikolu, jitkellem waħdu. Dan seta jsir ukoll permezz tal-investiment ta’ €100 miljun mill-programm tal-iżvillupp rurali b’fondi tal-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en