PROĠETTI LI QED JISWEW TA’ ĠID U SE JKOMPLU JISWEW TA’ ĠID GĦAL GĦAWDEX
Fi żjara li għamlet ġewwa ċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono fissret kif l-investiment li sar fil-bini ta’ estensjoni ġdida f’dan iċ-ċentru ssarfet u ser tkompli tissarraf f’opportunitajiet ta’ tagħlim matul il-ħajja għal bosta persuni Għawdxin. ‘Dan jgħodd ukoll għal bosta proġetti oħra li ħdimna fuqhom matul dawn is-snin, għax minbarra li għamlu differenza fil-kwalità tal-ħajja f’Għawdex ser ikomplu jkunu ta’ fejda anke fis-snin li ġejjin’, żiedet tgħid il-Ministru Debono.
Hija fissret kif ir-ristrutturar tal-Ministeru għal Għawdex li sar fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura, sewa biex dan il-Ministeru seta’ jikkordina aħjar il-ħidma intensiva f’għadd ta’ proġetti li kienu għaddejjin kontemporanjament f’dawn l-aħħar snin. Dawn il-proġetti ssarfu f’servizzi u faċilitajiet ġodda f’għadd ta’ setturi li jolqtu mill-qrib lil dawk kollha li jgħixu Għawdex. ‘F’Għawdex qatt ma rajna daqshekk xogħlijiet għaddejjin fl-istess waqt daqs dawk li twettqu jew għadhom qegħdin jitwettqu f’din il-leġiżlatura’, qalet il-Ministru Giovanna Debono.
Filwaqt li fissret kif minbarra x-xogħlijiet koordinati mill-Ministeru għal Għawdex, fil-gżira saru wkoll proġetti oħra b’kollaborazzjoni ma’ Ministeri u entitajiet oħra, il-Ministru Giovanna Debono qalet ukoll li minbarra investiment minn fondi nazzjonali, Għawdex ibbenefika minn miljuni ta’ ewro fi proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej. Fost il-proġetti ewlenin li saru jew bdew jintużaw f’din il-leġiżlatura l-Ministru semmiet:
• Il-bini tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi
• Il-bini ta’ estensjoni għaċ-ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri
• Tisħiħ fiċ-ċentri tal-MCAST u l-Kampus tal-Università f’Għawdex
• Bini ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien
• Sar il-masterplan dwar iċ-Ċittadella li llum qed iservi bħala gwida effettiva fl-għażla ta’
proġetti ta’ restawr u proġetti oħra li ġew approvati għal ko-finanzjament minn fondi
Ewropej
• Ġie msaħħaħ il-qasam turistiku tad-diving b’riżultat tal-proġett niche tourism for the island
of Gozo li permezz tiegħu twaqqfet ukoll Hyperbaric Unit fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
• It-twaqqif ta’ Dipartiment ġdid tar-Radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u r-
ristrutturar tas-swali tal-operazzjonijiet fl-istess sptar li ġew mgħammra b’apparat mill-aktar
modern
• L-eliminazzjoni kompleta tas-saqaf tal-asbestos madwar l-isptar kollu li serva wkoll biex
flimkien ma’ suffitti ġodda isir madum ġdid u xogħol ieħor fil-kuriduri kollha tal-isptar fejn
qed jiġu wkoll mgħoddija servizzi ġodda li ser ikomplu jtejbu l-effiċjenza u l-ambjenti fl-
isptar
• Ristrutturar estensiv fi Ġnien Villa Rundle li llum ġie mgħoddi lura lill-pubbliku fi stat ferm
isbaħ
• Inawgurat ġnien ġdid f’Marsalforn
• Inbnew mill-ġdid 20 kilometru ta’ toroq minn tarf sa ieħor ta’ Għawdex
• Dawn il-proġetti komplew jiġu msebbħa b’xogħlijiet artistiċi permezz tal-iskema l-Arti fit-
Toroq bi tmien biċċiet tal-arti diġà installati fuq il-post
• Tikber bi tmien darbiet is-sistema ta’ pannelli fotovoltaiċi fuq il-bejt taċ-ċentru
amministrattiv fil-Ministeru għal Għawdex
• Inawgurat iċ-ċentru għal matul il-jum Santa Marta li jilqa’ fih persuni adulti b’diżabilità
• Jinfetaħ ‘crisis intervention centre’
• Proġetti ta’ restawr fosthom il-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, id-Dar tal-Gvernatur, is-Silos u x-
xelters fiċ-Ċittadella, torrijiet u siti storiċi oħra
• Il-proġett ta’ restawr u stabilizzazzjoni tal-ħitan tas-swar li għaddej fiċ-Ċittadella
b’investiment ta’ €7 miljun
• Il-bini tat-terminal tal-Imġarr u żieda fl-ispazju għall-ġarr tal-vetturi fuq il-vapuri tal-Gozo
Channel
• Dan il-proġett hu ikkumplimentat bil-bini ta’ terminal ieħor ġdid fiċ-Ċirkewwa
• L-introduzzjoni ta’ sistema ta’ trasport ġdida li tħammeġ anqas u toffri servizz aħjar
• Il-bini ta’ biċċerija ġdida
• Il-ftuħ ta’ Ċentru għall-iskart goff
• Beda x-xogħol fiż-Żewwieqa Waterfront u għaddej ukoll xogħol biex il-Farm tal-Gvern
jinbidel f’Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi rurali u l-Ambjent
Il-Ministru għal Għawdex fissret kif dawn kienu biss uħud mill-proġetti ewlenin li twettqu f’dawn l-aħħar snin barra xogħol u inizjattivi oħrajn li komplew itejbu s-servizzi u l-faċilitajiet f’diversi setturi fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ekonomija, il-qasam soċjali, il-kultura u l-ambjent.
Kompliet tgħid li matul dawn il-ħames snin ġew implimentati wkoll il-miżuri miġbura fil-pjan ta’ azzjoni marbut ma’ ekoGħawdex. Dawn kienu jinkludu fost oħrajn tindif fil-widien li żied il-ħażna tal-ilma tax-xita b’aktar minn 43 miljun litru, programm ta’ afforestazzjoni f’siti pubbliċi f’Għawdex, kif ukoll aktar minn 60 proġett li twettqu fil-lokalitajiet kollha madwar Għawdex permezz ta’ żewġ skemi b’investiment ta’ madwar €2.5 miljun.
‘Dan kollu qed jiswa u ser jiswa ta’ ġid għal poplu Għawdxi kollu filwaqt li jkompli jsaħħaħ ukoll il-qasam tax-xogħol f’Għawdex u l-potenzjal ta’ din il-gżira bħala destinazzjoni turistika’, qalet l-Onor. Giovanna Debono.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en