STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU, IL-KULTURA U L-AMBJENT
Il-Ministeru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Għaqda Parteċipanti tal-Karnival u li fiha ġie ssuġġerit li jinbidlu d-dati tal-karnival.
Il-Ministeru jirrivela illi d-dati tal-karnival huma marbuta mal-kalendarju tal-Għid u ma jagħmilx sens li dawn jinbidlu. Il-karnival sar ukoll attrazzjoni turistika stabbilita li tiġbed eluf ta’ turisti. Ħafna operaturi turistiċi fil-fatt ikunu organizzaw ġiti għal dan l-avveniment. Ikun ta’ dannu kbir jekk f'dan l-istadju jsir xi tibdil fid-dati tal-karnival. Wieħed irid iżomm f'moħħu wkoll li minbarra l-attivitajiet prinċipali fil-Belt, il-karnival illum infirex f'numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex u li dawn il-lokalitajiet ikunu diġà għamlu arranġamenti marbuta mad-dati stabbiliti.
Il-Ministeru għalhekk, filwaqt li jifhem it-tħassib tal-Għaqda, jemmen illi għandhom ikunu l-Partiti Politiċi li għandhom jakkomodaw u jagħtu spazju għall-karnival fil-ġranet stabbiliti tiegħu, u mhux li l-Karnival jiġi trasferit sabiex jakkomoda u jagħti spazju lill-Partiti Politiċi. Ikun ta’ għajb jekk il-politika kellha tirbaħ fuq avveniment b’sinifikat reliġjuż, kulturali u storiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministeru jawgura li din l-edizzjoni tal-karnival tkun suċċess u kif ġara kull sena toffri spettaklu uniku u tkun sors ta’ divertiment għall-Maltin u viżitaturi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en