IL-MINISTRU FRANCIS ZAMMIT DIMECH F’LAQGĦAT MAL-MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN TALJAN GIULIO TERZI
Illum, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Dott. Francis Zammit Dimech, kellu laqgħa uffiċċjali f’Ruma mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan Giulio Terzi di Sant’Agata. Din il-laqgħa f’Ruma saret wara stedina li kienet estiża waqt telefonata ta’ awgurju li l-Ministru Terzi għamel lill-Ministru Zammit Dimech, eżatt wara l-ħatra tiegħu ta’ Ministru.
Il-laqgħa uffiċċjali tal-lum hija waħda sinifikattiva fis-sens li tkompli twettaq it-triq ta’ diskussjoni u skambji ta’ idejat skont il-Memorandum t’Għarfien fuq Djalogu Politiku Strutturat bejn iż-żewġ pajjiżi u twitti t-triq għal xogħol fil-ġejjieni bejn iż-żewġ naħat fuq aspetti bilaterali, Ewropej u Mediterranji tal-politika estera.
Infatti, fost it-temi diskussi kien hemm suġġetti ta’ importanza bilaterali bħal koperazzjoni dwar it-tqassim ta’ frekwenzi televiżivi u tar-radju, l-immigrazzjoni irregolari u l-koperazzjoni fis-settur tat-tiftix u s-salvataġġ u l-proġett tal-interkonnessjoni elettrika bejn Malta u l-Italja. Ta’ min isemmi li f’dan ir-rigward il-Ministru Terzi informa lill-Ministru Zammit Dimech li, rigward il-proġett tal-interkonnessjoni elettrika, minn naħa tal-gvern Taljan ser jinħarġu l-permessi kollha meħtieġa sal-bidu ta’ Frar 2013
Temi oħra li ġew diskussi waqt din il-laqgħa kienu s-sitwazzjoni fil-Libja, is-sitwazzjoni li qed tkompli tiggrava fis-Sirja u s-Summit 5 + 5 (Western European Dialogue) li sar f’Malta f’Ottubru li għadda. Ġiet diskussa wkoll il-kwistjoni li għandha l-Italja dwar il-Marò Taljani li jinsabu arrestati fl’Indja.
Iż-żewġ naħat qablu li għandu jitkompla fil-livelli kollha, il-proċess ta’ koordinazzjoni u djalogu miftuħ, u għal dan l-iskop li ssir laqgħa f’livell tekniku fi Frar tas-sena d-dieħla.
Wara l-laqgħa ta’ bejniethom, il-Ministri Francis Zammit Dimech u Giulio Terzi di Sant’Agata indirizzaw flimkien konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew numru ta’ ġurnalisti u rappreżentanti tat-televiżjoni Taljana.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en