IPPREMJATA L-ĦIDMA TA’ DAWK LI JAĦDMU FIS-SETTUR TURISTIKU GĦAWDXI
‘Nifraħ lil dawk il-ħaddiema kollha li ġew innominati għal dan l-unur u filwaqt li nawguraw lir-rebbieħ nirrikonoxxu wkoll il-validità u l-importanza tas-servizz li jagħtu tant ħaddiema oħra li jaħdmu fis-settur turistiku f’Għawdex’. Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt l-attività annwali mtellgħa mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex (GTA), li fiha ġie mogħti l-Premju Ħaddiem tas-Sena fit-Turiżmu f’Għawdex 2012.
Il-Ministru fissret kif is-servizz mogħti mill-ħaddiema f’dan il-qasam għandu influwenza qawwija fuq il-kwalità tas-servizz mogħti lit-turist li min-naħa tiegħu jistenna servizzi li jagħtuh lura valur għal flusu. B’hekk kull min jaħdem u joffri servizzi lit-turisti qiegħed ukoll jikkontribwixxi fil-programm kontinwu ta’ reklamar li għandu l-għan li jattira aktar turisti lejn pajjiżna.
Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-ħidma tal-GTA li hija rikonoxxuta bħala assoċjazzjoni rappreżentattiva ta’ operaturi u ħaddiema fis-settur turistiku f’Għawdex. Fissret ukoll kif il-Ministeru għal Għawdex sostna l-operat ta’ din l-assoċjazzjoni sa mit-twaqqif tagħha u dan irriżulta f’sinerġija li permezz tagħha ż-żewġ entitajiet ħadmu u kkollaboraw flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent, u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’risq it-tisħiħ tas-settur turistiku f’Għawdex. Fost l-aħħar żviluppi li seħħew matul dawn l-aħħar xhur il-Ministru semmiet l-inklużjoni ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika rurali fil-Pjan Nazzjonali dwar it-Turiżmu, il-kontinwazzjoni tal-pubblikazzjoni Let’s Gozo kif ukoll it-tisħiħ tal-webportal tal-GTA www.islandofgozo.org.
Il-Ministru Giovanna Debono semmiet bosta inizjattivi meħuda f’dawn l-aħħar snin li swew ukoll biex isaħħu l-prodott turistiku Għawdxi. Fost dawn hemm xogħlijiet ta’ restawr f’siti storiċi importanti fosthom dak li għaddej bħalissa fuq is-swar taċ-Ċittadella. Semmiet kif proġetti infrastrutturali bħal ma kienu dawk marbuta mal-bini mill-ġdid ta’ 20 kilometru ta’ toroq arterjali qed isebbħu d-dehra ġenerali tal-gżira filwaqt li joffru aktar sigurtà filwaqt li l-Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ irriżulta f’kosta aktar nadifa madwar il-gżira kollha. Fost bosta proġetti oħra direttament marbuta mas-settur turistiku l-Ministru rreferiet għall-bini ta’ Istitut tal-Istudji Turistiċi f’Għawdex, it-tisħiħ tal-faċilitajiet għas-settur tad-diving li ta riżultati pożittivi u sewa wkoll biex jittaffew ftit mill-isfidi marbuta mal-istaġjonalità, ir-reklamar ta’ Għawdex f’niċeċ turistiċi oħra bħal ma huma l-mixi u t-turiżmu rurali, kif ukoll ir-reklamar u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li kellhom l-għan li jsaħħu wkoll lil Għawdex bħala destinazzjoni li tattira turiżmu mis-suq domestiku. F’din l-aħħar sena Għawdex kellu wkoll riżultati mir-reklamar li sar fil-qasam tal-cruiseliners.
Il-premju Ħaddiem tas-Sena fit-Turiżmu Għawdex 2012 intrebaħ mis-Sur Joseph Tabone li jaħdem bħala Restaurant Manager. Din is-sena ġew innominati seba’ persuni li lkoll jaħdmu fi stabilimenti li joffru servizzi turistiċi differenti fis-settur turistiku Għawdxi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en