JIFTAĦ GRAWND TAL-FUTBOL ĠDID F’SAN VINĊENZ DE PAUL
Se jkun qed jintuza mill-klabb u n-nursery ta’ Luqa St Andrew’s FC, mill-ħaddiema ta’ San Vincenz u mill-anzjani
Illum il-ġurnata il-poplu Malti qed isir aktar konxju tal-importanza tal-attività fiżika u l-isport fil-ħajja tiegħu, u għalhekk il-Gvern ħadem qatiegħ biex mhux biss jipprovdi programmi sportivi għall-faxxex ta’ nies differenti, fosthom nisa, anzjani, tfal, żgħażagħ u persuni b’diżabilità iżda qiegħed ukoll jinvesti f’faċilitajiet sportivi tal-ogħla kwalità. Fost l-opportunitajiet sportivi għall-anzjani l-Gvern nieda l-Programm tal-KMS Senior Citizens on The Move, fejn qed isiru attivitajiet sportivi għall-anzjani fir-residenza San Vinċenz de Paul u fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal Qroqq bla ħlas. Flimkien mal-KMS qed isiru wkoll programmi mixi għall-anzjani u programmi ta’ attivita’ fiżika fic-centri ta’ matul il-jum. Minn naħa l-oħra t-tfal illum qed jiġu introdotti għall-isport sa minn eta’ żgħira fl-iskejjel u wara l-ħinijiet tal-iskola bi programmi mill-KMS u fin-nurseries tal-għaqdiet sportivi li l-Gvern qiegħed jidħol bi sħab magħhom biex jinvestu bil-għan li tixxettel il-kultura sportiva.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, l-Onor. Clyde Puli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Mario Galea, meta flimkien mal-President tal-MFA, is-Sur Norman Darmanin Demajo, u n-Nutar Dr Carmel Martinelli, President ta’ Luqa St Andrews FC inawguraw uffiċjalment il-grawnd San Vinċenz De Paul li se jkun qiegħed jilqa’ fih it-tim u n-nursery ta’ Luqa St Andrew’s Football Club għat-taħriġ. Il-grawnd se jużawh ukoll l-istaff ta’ San Vincenz de Paul u l-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli qal li wara talbiet li huwa rċieva kemm mill-amministrazzjoni ta’ San Vinċenz de Paul u minn Luqa St. Andrew’s FC biex ikollhom faċilitajiet sportivi fejn jilgħabu u jitħarrġu, l-Gvern iddeċieda li jgħaqqad iż-żewġ talbiet fi proġett wieħed. Huwa qal li b’hekk il-Gvern seta’ jimmassimizza r-riżorsi tiegħu u seta’ jinvesti bi sħab mal-MFA f’dan il-grawnd modern illi sewa mal-€400,000. Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ ftehim li ntalħaq bejn il-Gvern u l-MFA matul din il-leġiżlatura saru 40 grawnd tal-football ġdid u 12 oħra qed jinbnew biex sal-2013, ikunu tlestew 52 grawnd tal-football ġdid. Huwa tenna li minn dawn il-grawnds qed igawdu madwar 10,000 tifel u tifla li huma rreġistrati man-nurseries.
L-Onor Puli awgura kull suċċess lill-klabb ta’ Luqa St. Andrew’s FC, f’amministrazzjoni tajba, bil-valuri tal-fair play u b’investiment fit-tfal tan-nursery.
Min-naħa tiegħu Mario Galea spjega kif ir-Residenza esperjenzat proċess ta' bidla. Illum tilqa' madwar 1200 anzjan u timpjega iktar minn 1000 persuna fi gradi differenti.
Mario Galea qal li fir-Residenza San Vincenz de Paul isiru:
5,500 vjagg tat-trasport kull sena.
Jiddedikaw 21,000 siegħa ta’ tindif kull sena.
Il-carers jaghmlu kwart ta’ miljun siegha ta’ caring kull sena.
In-nurses iwettqu 600,000 siegħa ta’ nursing kull sena.
Jinħaslu 700 kilo ta’ laundry kuljum u jinbiddlu aktar minn 2000 liżar kuljum.
Il-fiżjoterapisti jagħmlu madwar 6000 viżta kull sena.
It-tim tal-maintenance jagħmlu 5500 biċċa xogħol ta’ maintenance kull sena.
L-entertainment section tagħmel madwar 2500 event kull sena.
Il-kċina ssajjar 2800 ikla kuljum.
Waqt is-serata saru wkoll diskorsi mill-President tal-MFA, is-Sur Norman Darmanin Demajo u mill-President ta’ Luqa St Andrew’s FC Dr Carmel Martinelli.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en