DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-LIFT TAL-BARRAKKA TA’ FUQ, IL-BELT VALLETTA - IS-SIBT 15 TA' DIĊEMBRU 2012
Onorevoli Ministru Gatt,
Sur Sindku,
Mistiedna Distinti,
Sinjuri,
Huwa b'sens ta' kburija li qiegħed hawn illejla biex niċċelebraw ħolqa oħra ta’ proġetti fil-viżjoni tal-Gvern għall-Belt Kapitali tagħna. Belt li tagħtina identità. Belt li għalina hi bħal karta tal-identità għaliex nagħrfu minn aħna – l-istorja tagħna, il-kultura tagħna, it-tradizzjonijiet tagħna, il-wirt tagħna – dak kollu li jagħmilna Maltin.
Dan huwa proġett ieħor minn sensiela li qiegħed jagħti nifs ġdid lill-Belt Valletta.
Proġett li kif rajna u smajna, se jagħti lura l-ħajja lil wieħed mis-simboli l-aktar magħrufa tal-Belt. Il-lift tal-Barrakka ta servizz lill-komunità li għexet u kienet tiġi hawn għal tmienja u sittin sena. Il-lift ilu wieqaf mill-1973.
Illum, qegħdin niftħu kapitolu ieħor. Kapitolu li qiegħed jara lift ġdid u modern u li se jgħaqqad b'mod dirett il-Port il-Kbir mal-qalba tal-Belt.
Għandna viżjoni għall-Belt.
Belt li tilqgħek.
Belt mimlija ħajja u negozju.
Belt tar-residenti daqskemm hi tal-Maltin li jiġu hawn għal skop ta’ xiri u tat-turisti li jiġu jżuru pajjiżna bil-baħar jew bl-ajru.
Belt li toffri kwalità ta’ ħajja lir-residenti tagħha filwaqt li fl-istess ħin tkun bejta ta' attivitajiet soċjali u kulturali.
Belt moderna u li fl-istess ħin tirrispetta l-passat tagħha.
Belt li s-swar illum huma rakkont ta’ merħba.
Belt li fiha t-tfal jagħrfu l-kobor ta’ din il-gżira u l-istorja tagħha.
Belt li tagħti ġieħ lil dawk li għamlu ommijietna u missirijietna biex wasalna fejn qegħdin illum.
Belt, simbolu ħaj tal-identità Maltija u Belt denja tat-titlu tagħha li fl-2018 se tkun il-Belt Ewropea tal-Kultura. Minn issa sa dakinhar irridu nkomplu bil-ħidma tagħna biex nesponu aktar dak li għandna u dak li jagħmilna Maltin. Se jkun hawn lenti fuq din il-Belt u fuq pajjiżna u obbligati li noħorġu bl-unuri għall-ġid ta’ pajjiżna.
Dan il-proġett hu ħolqa oħra fil-katina ta' inizjattivi li qegħdin nieħdu fil-Belt. Mir-restawr ta' bereġ u palazzi sa riġenerazzjoni ta' pjazez u spazji miftuħa. Mill-bini tat- teatru sar-restawr ta’ Sant’Iermu, mill-proġett ta’ tisbiħ ta’ Liesse sal-pavimentar tat-toroq, mir-restawr tas-swar sat-tisbiħ li sar fil-Barrakka ta’ Fuq, Hastings u s-Saluting Battery.
Inizjattivi u proġetti li fil-qalba tagħhom insibu n-nies - ir-residenti, is-sidien tal-ħwienet, it-turisti kif ukoll il-ħaddiema li ħadmu fuq dawn il-proġetti - 2,600 ħaddiem li ħadmu fuq il-proġetti kollha li nedejna fil-Belt tul dawn il-ħames snin.
Sinjuri,
Dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ ir-rabta intima tat-turiżmu mal-kummerċ tal-Belt. Dan il-lift qed nagħmluh ukoll wara li wettaqna l-viżjoni tagħna li nisfruttaw il-pożizzjoni tagħna u l-ġojjell tal-Port il-Kbir billi niżviluppaw l-industrija tal-cruise lining f’pajjiżna. Mil-lum l-eluf ta' turisti li jaslu Malta permezz tal-cruise liners, kull ġimgħa, se jkunu jistgħu jidħlu fil-qalba tal-Belt fi ftit minuti mill-Valletta Waterfront. Ukoll, il-lift qiegħed jgħaqqad iċ-ċentru tal-Belt mat-tlett ibliet hekk kif il-bieraħ beda s-servizz il-ġdid tal-ferry bi skeda.
Bħal mużajk, kull inizjattiva u proġett li ħadna u qegħdin nieħdu fil-Belt huma parti mill-viżjoni aktar wiesgħa tal-Gvern.
Illejla qegħdin ukoll niċċelebraw viżjoni oħra tal-Gvern - il-viżjoni tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea li ttrasformat pajjiż sħiħ kif ukoll ħolqot il-ġid u x-xogħol bl-għażliet u d-deċiżjonijiet li għamilna. Dan il-lift hu proġett ieħor fil-lista dejjem tikber ta' proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.
Bid-deċiżjoni li ħadna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea, esponejna aktar dak li hu Malti. U se nagħmlu aktar meta pajjiżna jkollu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017. Il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tpoġġi fuqna lkoll, obbligu li nagħmlu ġieħ lil pajjiżna.
Sinjuri,
L-attività tal-lejla tmur lil hinn mill-inawgurazzjoni ta' dan il-lift.
Illum qegħdin niċċelebraw pass ieħor fit-twettieq tal-viżjoni tal-Gvern għall-Belt Valletta u għall-pajjiż. Ċelebrazzjoni tal-identità tagħna. Kull Malti u Maltija hu sieħeb f’din il-viżjoni u f’din iċ-ċelebrazzjoni – ilkoll kburin f’dak li jagħmilna Maltin u Ewropej.
Grazzi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en