Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-LIFT TAL-BARRAKKA TA’ FUQ, IL-BELT VALLETTA - IS-SIBT 15 TA' DIĊEMBRU 2012

pr2764
Date Icon 16/12/2012

Onorevoli Ministru Gatt,

Sur Sindku,

Mistiedna Distinti,

Sinjuri,

Huwa b'sens ta' kburija li qiegħed hawn illejla biex niċċelebraw ħolqa oħra ta’ proġetti fil-viżjoni tal-Gvern għall-Belt Kapitali tagħna.  Belt li tagħtina identità.  Belt li għalina hi bħal karta tal-identità għaliex nagħrfu minn aħna – l-istorja tagħna, il-kultura tagħna, it-tradizzjonijiet tagħna, il-wirt tagħna – dak kollu li jagħmilna Maltin.

Dan huwa proġett ieħor minn sensiela li qiegħed jagħti nifs ġdid lill-Belt Valletta.  

Proġett li kif rajna u smajna, se jagħti lura l-ħajja lil wieħed mis-simboli l-aktar magħrufa tal-Belt.  Il-lift tal-Barrakka ta servizz lill-komunità li għexet u kienet tiġi hawn għal tmienja u sittin sena.  Il-lift ilu wieqaf mill-1973.

Illum, qegħdin niftħu kapitolu ieħor.  Kapitolu li qiegħed jara lift ġdid u modern u li se  jgħaqqad b'mod dirett il-Port il-Kbir mal-qalba tal-Belt. 

Għandna viżjoni għall-Belt.

Belt li tilqgħek.

Belt mimlija ħajja u negozju.  

Belt tar-residenti daqskemm hi tal-Maltin li jiġu hawn għal skop ta’ xiri u tat-turisti li jiġu jżuru pajjiżna bil-baħar jew bl-ajru.  

Belt li toffri kwalità ta’ ħajja lir-residenti tagħha filwaqt li fl-istess ħin tkun bejta ta' attivitajiet soċjali u kulturali.  

Belt moderna u li fl-istess ħin tirrispetta l-passat tagħha.  

Belt li s-swar illum huma rakkont ta’ merħba.

Belt li fiha t-tfal jagħrfu l-kobor ta’ din il-gżira u l-istorja tagħha.

Belt li tagħti ġieħ lil dawk li għamlu ommijietna u missirijietna biex wasalna fejn qegħdin illum.

Belt, simbolu ħaj tal-identità Maltija u Belt denja tat-titlu tagħha li fl-2018 se tkun il-Belt Ewropea tal-Kultura.  Minn issa sa dakinhar irridu nkomplu bil-ħidma tagħna biex nesponu aktar dak li għandna u dak li jagħmilna Maltin.  Se jkun hawn lenti fuq din il-Belt u fuq pajjiżna u obbligati li noħorġu bl-unuri għall-ġid ta’ pajjiżna.

Dan il-proġett hu ħolqa oħra fil-katina ta' inizjattivi li qegħdin nieħdu fil-Belt.  Mir-restawr ta' bereġ u palazzi sa riġenerazzjoni ta' pjazez u spazji miftuħa.  Mill-bini tat- teatru sar-restawr ta’ Sant’Iermu, mill-proġett ta’ tisbiħ ta’ Liesse sal-pavimentar tat-toroq, mir-restawr tas-swar sat-tisbiħ li sar fil-Barrakka ta’ Fuq, Hastings u s-Saluting Battery.  

Inizjattivi u proġetti li fil-qalba tagħhom insibu n-nies - ir-residenti, is-sidien tal-ħwienet, it-turisti kif ukoll il-ħaddiema li ħadmu fuq dawn il-proġetti - 2,600 ħaddiem li ħadmu fuq il-proġetti kollha li nedejna fil-Belt tul dawn il-ħames snin.

Sinjuri,

Dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ ir-rabta intima tat-turiżmu mal-kummerċ tal-Belt.  Dan il-lift qed nagħmluh ukoll wara li wettaqna l-viżjoni tagħna li nisfruttaw il-pożizzjoni tagħna u l-ġojjell tal-Port il-Kbir billi niżviluppaw l-industrija tal-cruise lining f’pajjiżna.  Mil-lum l-eluf ta' turisti li jaslu Malta permezz tal-cruise liners, kull ġimgħa, se jkunu jistgħu jidħlu fil-qalba tal-Belt fi ftit minuti mill-Valletta Waterfront.  Ukoll, il-lift qiegħed jgħaqqad iċ-ċentru tal-Belt mat-tlett ibliet hekk kif il-bieraħ beda s-servizz il-ġdid tal-ferry bi skeda.

Bħal mużajk, kull inizjattiva u proġett li ħadna u qegħdin nieħdu fil-Belt huma parti mill-viżjoni aktar wiesgħa tal-Gvern.

Illejla qegħdin ukoll niċċelebraw viżjoni oħra tal-Gvern - il-viżjoni tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea li ttrasformat pajjiż sħiħ kif ukoll ħolqot il-ġid u x-xogħol bl-għażliet u d-deċiżjonijiet li għamilna.  Dan il-lift hu proġett ieħor fil-lista dejjem tikber ta' proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea.  

Bid-deċiżjoni li ħadna li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea, esponejna aktar dak li hu Malti.  U se nagħmlu aktar meta pajjiżna jkollu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017.  Il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tpoġġi fuqna lkoll, obbligu li nagħmlu ġieħ lil pajjiżna.


Sinjuri,

L-attività tal-lejla tmur lil hinn mill-inawgurazzjoni ta' dan il-lift.

Illum qegħdin niċċelebraw pass ieħor fit-twettieq tal-viżjoni tal-Gvern għall-Belt Valletta u għall-pajjiż.  Ċelebrazzjoni tal-identità tagħna.  Kull Malti u Maltija hu sieħeb f’din il-viżjoni u f’din iċ-ċelebrazzjoni – ilkoll kburin f’dak li jagħmilna Maltin u Ewropej.



Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow