STQARRIJA TAL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GONZI
Dalgħodu sejjaħt laqgħa tal-Kabinett fejn ġew diskussi l-iżviluppi dwar l-Imħallef Dr Ray Pace u l-Imħallef Dr Lino Farrugia Sacco.
Irrid qabel xejn nesprimi d-dispjaċir kbir u t-tħassib tiegħi dwar dak li qed jolqot lill-ġudikatura bħalissa. Qed nirreferi ghal dawn il-fatti:
l-Imħallef Ray Pace tressaq il-Qorti Kriminali akkużat b’reati serji;
u l-Imħallef Lino Farrugia Sacco, minkejja li aktar minn 5 snin ilu (fis-7 ta’ Awissu 2007) kien ingħata direzzjoni mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex ma jibqax President tal-Kumitat Olimpiku Malti ghax dan kien jikser il-Kodiċi ta’ Etika, huwa baqa’ jokkupa din il-kariga. Riċentament imgieba tiegħu f’din il-kariga wasslet biex kien hemm investigazzjoni u ċensura mill-Kummissjoni tal-Etika tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.
Dawn huma sitwazzjonijiet ta’ tħassib u huma ta’ serjetà kbira, li wasslu biex jonqos ir-rispett u l-ġieħ tal-ġudikatura u l-fiducja fiha. Dawn huma sitwazzjonijiet li ma jagħmlux ġustizzja mal-membri tal-ġudikatura li jagħmlu xogħolhom b’integrità u serjetà kbira.
Kif diġà għidt pubblikament kont nistenna li ż-żewġ imħallfin jippreżentaw ir-riżenja tagħhom. Dan baqa’ ma ġarax.
Għalhekk waqt il-laqgħa tal-Kabinett li saret dalgħodu ġie deċiż li jiġu preżentati żewġ mozzjonijiet għat-tneħħija tagħhom. Dawn il-mozzjonijiet issa ġew preżentati fil-Parlament; minn hemm jintbagħtu lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja skont il-proċess stabbilit mill-liġi. Jekk ikun hemm deċiżjoni li dawn jiġu dibattuti fil-Parlament, jien lest li nitlob li jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament, anki jekk dan ikun diġà ġie xolt.
Nirringazzja wkoll lill-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, fosthom il-Korp tal-Pulizija, li taw prova li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu biex jipproteġu liċ-ċittadini u d-demokrazija.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en