STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI
It-tender dwar pannelli fuq soqfa pubbliċi huwa wieħed pubbliku
Għal darb’oħra l-Onor. Leo Brincat reġa kkonferma li l-iktar importanti għalih huwa li jitfa’ t-tajn. Dan reġa għamlu llum bl-istqarrija li ħareġ dwar il-proġett ta’ twaħħil ta’ pannelli fuq soqfa pubbliċi. Qabel xejn ta’ min ifakkar li dan kien tender pubbliku, miftuħ għal skrutinju pubbliku, skont regoli ċari u trasparenti. Dan ifisser ukoll li l-informazzjoni li talab l-Onor Leo Brincat diġa hija pubblika.
Għar-rigward tal-feed-in tariff, irid jiġi mfakkar li dan kien tender li għalaq fi Frar tal-2012. Ir-rata ntgħażlet abbażi ta’ sejħa kompetittiva u hija ta’ €0.22,95 ċ. Għar-rigward tal-power purchasing agreement, l-Onor Leo Brincat messu jaf li t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu diġà ġew ikkomunikati fit-tender. Din il-Feed-In-Tarriff tobbliga lill-kumpanija li rebħet dan il-kuntratt biex twettaq l-investiment kollhu marbut mal-installazzjoni tal-panelli fotovoltajiċi u tinstalla wkoll strutturi biex jieħdu fuqhom dawn il-pannelli peress li dawn iridu jitpoġġew fuq soqfa antiki jew soqfa ta’ ġibjuni. Il-Kuntrattur intrabat li jiggarantixxi li s-sistema ta’ panelli fotovoltajiċi taħdem għal 25 sena b’ammont ta’ produzzjoni ta’ elettriku garantit kull sena. Għal dan il-għan ħadd ma jista’ jqabbel il-Feed-in Tariff li ħabbar il-Gvern mal-Feed-in Tariff li ħarġet minn din is-sejħa pubblika għax hemm kundizzjonijiet onoruzi ħafna fuq il-kuntrattur. Anke hawn l-Oppożizzjoni tipprova tiżra d-dubju biex tfixkel.
Iż-żmien minn meta ntgħażel l-aħjar bidder sakemm ġie ffirmat il-kuntratt, u li donnu tant inkwieta lill-Onor Brincat, huwa żmien raġjonevoli li jiġri fi kwalunkwe tender fejn il-partijiet jiċċaraw xi dettalji ta’ ftehim li ta’ min ifakkar, jinvolvi ħafna entitajiet Governattivi. Il-fatt li ħareġ tender jikkonferma kemm il-Gvern ried li jikseb l-aħjar prezz li joffri s-suq.
Għar-rigward tad-dubju mqajjem mill-Onor Brincat dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija, ta’ min ifakkru li d-dokument tat-tender kien isemmi li l-enerġija li tiġi mixtrija hija ta’ madwar 7.5GWh u l-offerta magħżula tmur f’din id-direzzjoni. Dan il-proġett se jikkontribwixxi 0.1% għall-miri ta’ pajjiżna fil-ġenerazzjoni tal-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa.
L-Onor Leo Brincat jipprova joħloq ukoll dubji dwar il-kompożizzjoni tal-konsorzju li rebaħ it-tender. Hija evidenti li l-Onor Brincat id-dokument ma qrahx, jew agħar minn hekk, qrah u jrid iqarraq. Id-dokument jispeċifika li jista’ jkun hemm bdil fil-formazzjoni tal-konsorzju. Għal darb’oħra dan juri kemm l-Onor Brincat huwa amateur.
Dawn huma fatti pubbliċi. Dawn lill-Onor Leo Brincat ma jinteressawhx, l-istess kif ma interessatux l-informazzjoni pubblika li għaddejna dwar il-kummenti tal-awditur ġenerali dwar l-operat tal-Wasteserv. L-Onor Leo Brincat moħħu biss biex jitfa’ t-tajn.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en