240 PROĠETT MINN GĦAQDIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ IBBENEFIKAW MINN AKTAR MINN €3.6 MILJUN F’FONDI EWROPEJ FL-AĦĦAR 5 SNIN
Is-Segretarju Parlamentari jiftaħ uffiċjalment il-European Jobs and Mobilty Fair mtella’ mill-ETC u mill-EUPA
Illum tqassmu €519,345 lil 22 grupp taż-żgħażagħ permezz tal-programm “Youth in Action”
L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport fetaħ uffiċjalment il-European Jobs and Mobilty Fair filwaqt li ippreżenta €519,345 f’fondi Ewropej li 22 grupp taż-żgħażagħ li ibbenefikaw mill-programm tal-Unjoni Ewropea ‘Youth in Action’ (‘Żgħażagħ fl-Azzjoni’) immexxi mill-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (l-EUPA). Huwa qal li fl-aħħar 5 snin gruppi taż-żgħażagħ ibbenefikaw minn aktar minn €3.6 miljun f’fondi Ewropej biex għamlu 240 proġett. Dan ħabbru waqt attivita’ li saret fil-Lunkanda Excelsior fil-Floriana.
L-Onor Puli qal li dawn il-programmi tal-Unjoni Ewropea qed jagħtu aċċess dirett liż-żgħażagħ u lill-għaqdiet tagħhom għall-fondi tal-UE. Fl-istess waqt dawn il-programmi qed jipprovdu opportunitajiet lil mijiet ta’ żgħażagħ biex jakkwistaw u jiżviluppaw ħiliet ġodda li huma importanti għall-ħajja personali u soċjali u fid-dinja tax-xogħol. Huwa qal li l-Youth in Action Programme jagħti opportunità liż-żgħażagħ li jagħmlu skambji li jlaqqgħuhom ma’ persuni, pajjiżi u kulturi differenti minn tagħna kif ukoll jagħti opportunità liż-żgħażagħ li jersqu u jikkomunikaw aktar ma’ ġenerazzjonijiet oħra.
Puli tenna li filwaqt li pajjiżna għandu waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, il-pajjiż jeħtieġ jibqa’ jaħdem mal-pajjiżi l-oħra Ewropej biex jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ. Il-European Jobs and Mobility Fair qed issir għall-ewwel darba biex iż-żgħażagħ u ħaddiema oħra jiltaqgħu ma’ konsulenti tal-karrieri minn diversi pajjiżi Ewropej li qed jippromwovu l-opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżhom. L-Unjoni Ewropea tqis il-mobbiltà taż-żgħażagħ u l-ħaddiema bħala opportunità biex iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħhom ikabbru l-esperjenza u l-impjeggabiltà tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn l-inizjattivi jikkuplimentaw bi sħiħ l-investiment li jagħmel il-Gvern fl-edukazzjoni. Huwa semma wkoll l-programmi ta’ empowerment ta’ Aġenzija Żgħażagħ li qed jagħtu opportunita’ liż-żgħażagħ Maltin permezz ta’ programmi innovattivi li jolqtu żgħażagħ differenti fosthom fil-kitba, fid-drama, fl-arti, fil-mużika, fil-volontarjat u fil-politika. Dawn il-programmi wkoll qed jagħtu ħiliet ġodda liż-żgħażagħ sabiex jaħtfu l-opportunitajiet li jiġu quddiemhom.
Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Sur Robert Debono, Koordinatur Nazzjonali tal-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea, qal li fix-xhur li għaddew l-Aġenzija għamlet kampanja biex tilħaq liż-żgħażagħ, organizzazzonijiet u anki ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi tal-‘Youth in Action’. Huwa qal li l-aġenzija se tkompli taħdem fuq dak li ħadmet fl-2012 sabiex tagħmel differenza fil-ħajja taż-żgħażagħ. Hu tenna li l-applikazzjonijiet li jmiss se jibqgħu jiltlaqgħu sal-1 ta’ Frar u ħeġġeġ lill-għaqdiet sabiex jibdew jaħsbu fuq proġetti oħra.
Il-programm ‘Youth in Action’ huwa l-programm tal-Unjoni Ewropea ddedikat liż-żgħażagħ ta’ bejn 13 u 30 sena. Dal-programm jippromwovi l-mobbiltà, it-tagħlim mhux formali, djalogu inter-kulturali, jinkoraġġixxi l-inklużjoni taż-żgħażagħ kollha u anki jipprovdi sapport lix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ. Fost il-varjetà ta’ proġetti li jinkludi dal-programm hemm skambji, inizjattivi, proġetti dwar id-demokrazija, il-European Voluntary Service għall-volontarjat f’pajjiżi oħra, kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea, taħriġ u netwerking għall-youth workers u organizzazzjonijiet u anki laqgħat mal-Policy Makers.
Fost l-organizzazzjonijiet li bbenefikaw hemm San Ġwann Youth Centre, Santa Venera Youth Local Council, l-Emergency Responce and Rescue Corps, il-Birdlife Malta, u s-Salesjani.
Preżenti għall-ftuħ uffiċjali ta’ din il-fiera kien hemm il-Koordinatur tal-EUPA Robert Debono u ċ-Chairperson tal-ETC Sandra Sladden.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur www.facebook.com/yiamalta, www.yia.eupa.org.mt.
Dawn l-inizzjattivi huma ffinanzjati bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali tal-Edukazzjoni u l-Kultura). Tagħrif dwar l-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea jinsab fis-sit tal-aġenzija www.eupa.org.mt.
Għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-Eures jista’ jżur www.eures.com.mt
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en