GĦAJNUNA LIL ŻEWĠT IDJAR TAĦT IL-PROGRAMM “GĦIXIEN SEMI-INDIPENDENTI”
Il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said, f’isem il-Gvern, ippreżenta assistenza finanzjarja mill-Awtorità tad-Djar lil Dar il-Wens u Dar Pirotta taħt il-programm tal-Awtorità tad-Djar għal Għixien Semi-Indipendenti.
L-Awtorità tad-Djar hija entità soċjali li l-għan prinċipali tagħha huwa li tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar speċjalment lil dawk li huma vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Sabiex tilħaq lil dan is-settur ta’ nies, is-sena l-oħra l-Awtorità nediet kunċett ta’ għixien semi-indipendenti li l-għan ewlieni tiegħu hu li tiġi żviluppata l-abilità biex persuna tkun tista’ tgħix kemm jista’ jkun b’mod indipendenti fl-abitazzjoni tagħha jew f’akkomodazzjoni ma’ ħaddiema li jkunu hemm biex jgħinuha. Din it-tip ta’ akkomodazzjoni tippermetti lir-residenti biex jirriservaw il-privatezza u l-indipendenza fl-abitazzjoni tagħhom imma b’aċċess għall-għajnuna u għas-sapport meħtieġ biex jintegraw ruħhom aħjar fil-komunità.
Il-Gvern, permezz tal-Awtorità tad-Djar, alloka €150,000 għall-għaqdiet volontarji, speċjalment għall-għaqdiet li jieħdu ħsieb lil nies b’diżabilità u lill-anzjani fosthom Richmond Foundation, Inspire, Aġenzija Sapport u Independent Living fejn jaħdmu bil-kunċett li jgħinu lil dawn l-individwi jibqgħu jgħixu fil-komunità. Fil-preżentazzjoni tal-lum, Dar il-Wens u Dar Pirotta ngħataw bejniethom €20,000.
Il-Ministru Said saħaq li programmi bħal dan imħaddem mill-Awtorità tad-Djar huma ntiżi li jgħinu kemm jistgħu lill-persuni vulnerabbli fis-soċjetà, bl-Awtorità mhux biss tipprovdi akkomodazzjoni soċjali għall-familji fil-bżonn imma wkoll tgħin b’mod prattiku lil għaqdiet li diġà qed joffru huma akkomodazzjoni lil kategoriji speċifiċi ta’ nies. Fil-fatt, anke b’għajnuna mill-Awtorità tad-Djar, Dar il-Wens qed iżżid il-kapaċità tagħha ta’ akkomodazzjoni b’xogħlijiet li bħalissa għaddejjin fuq appartament anness mad-dar.
Il-Ministru Said semma kif fl-aħħar snin il-Gvern kompla jsostni lill-Awtorità tad-Djar li ħolqot numru ta’ skemi ġodda biex tindirizza d-domanda għal akkomodazzjoni, fosthom bit-tnedija tal-iskema ‘Kiri’ illi ntlaqgħet b’mod tajjeb ħafna kemm minn min kera l-post tiegħu u min daħal jgħix f’postijiet mikrija. Huwa rrefera wkoll għall-iskema li semma l-Gvern fil-Baġit għall-2013, u li l-Gvern irid iwettaq mis-sena d-dieħla, dik li jagħti għajnuna lil min irid jixtri l-ewwel dar tiegħu billi jgħinu jħallas parti mill-imgħax fuq self.
L-Awtorità tad-Djar għandha numru ta’ skemi oħra li jinkoraġixxu l-għixien fil-komunità fosthom l-iskema ‘Nirranġa d-Dar Tiegħi’ li tkun miftuħa kull tant żmien għal perjodu stipulat fejn sidien anzjani ’l fuq minn 60 sena jistgħu japplikaw biex isirilhom xogħol ta’ irranġar fir-residenza tagħhom biex din issir aktar aċċessibbli. Dan isir sabiex l-anzjani jistgħu jibqgħu jgħixu fil-kumdità ta’ darhom u fl-istess komunità. Għal din l-iskema l-Awtorità rċiviet iktar minn 160 applikazzjoni.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en