IL-ĦWIENET TAL-BELT IKOMPLU JINVESTU, JOĦOLQU AKTAR KUMMERĊ U JŻIDU L-IMPJIEGI
Il-ħwienet tal-Belt qed ikomplu jinvestu, joħolqu l-kummerċ u jżidu l-impjiegi u dan grazzi għal diversi skemi u inċentivi li l-Gvern qed joħloq għas-sidien tal-ħwienet, sabiex dawn ikomplu jkabbru u jżiedu l-impjiegi. Dan qalu dalgħodu l-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur, l-Onor. Jason Azzopardi meta kien qed iżur żewġt iħwienet ġodda, kif ukoll ħwienet oħra li jinsabu fi Triq ir-Reppublika fil-Belt Valletta.
Il-Ministru Azzopardi tkellem ma’ wħud mis-sidien tal-ħwienet, li kollha kellhom kliem ta’ tifħir għal kif sejjer il-bejgħ għal żmien il-Milied li għadu fil-bidu tiegħu u li aktar ma jersqu qrib l-festi, aktar se jkompli jiżdied. Uħud minnhom faħħru l-inizjattivi tal-Gvern sabiex ikompli joħloq aktar aċċessibilità u kummerċ fil-Belt Kapitali. Il-Ministru Azzopardi rrefera għal proġett kbir tal-MCP Car Park li se jissarraf f’żieda ta’’l fuq minn 400 parkeġġ u li se jkun qed joħloq aċċessibilita għal dawk kollha li jagħzlu li jagħmlu l-qadi tagħhom fil-Belt Valletta. B’hekk Azzopardi qal, se jkunu qed jissaħħu wkoll in-negozji tal-Belt u tenna li l-Gvern jimpurtah min-negozji u jrid joffrilhom l-aħjar soluzzjoni sabiex dawn ikomplu jikbru u jissaħħu.
Bidla radikali oħra li nltaqtet tajjeb ukoll mis-sidien tal-ħwienet tal-Belt, hija l-iskema volontarja tal-kiri għall-ħwienet, li l-Gvern ħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, fejn se jkun qed joffri lis-sidien tal-ħwienet fil-Belt li bħalissa qegħdin jikru l-ħwienet tagħhom mingħand il-Gvern b’kera ta’ 6 xhur 6 xhur, l-possibilità li jkollom kirja ta’ 45 sena. Il-Ministru qal li din l-iskema se tkun qed tgħin lil diversi sidien ta’ ħwienet sabiex ikollom aktar aċċess ħieles għal self mill-banek. Barra minn hekk din l-iskema se tkompli tgħin sabiex jinħoloq aktar kummerċ u aktar impjiegi. Qal li dan huwa mod ieħor ta’ kif l-Gvern jissalvagwardja l-interessi tan-negozji tal-Belt u joffrilhom s-sigurta u s-serħan il-moħħ li għandhom bżonn .
Fiż-żjara ta’ dalgħodu l-Ministru Azzopardi żar żewġt iħwienet ġodda li fetħu fi Triq ir-Reppublika, wieħed tal-ħwejjeg u l-ieħor tad-deheb. Dawn iż-żewġt iħwienet komplew iżidu l-ħwienet tagħhom ma’ dawk li diġà għandhom. Bil-ftuħ ta’ dawn iż-żewġ stabbilimenti, is-sidien tan-negozju bejniethom investew miljuni ta’ Ewro u ħolqu aktar impjiegi ġodda. Il-Ministru Azzopardi qal li din hija turija ċara li l-investituri lokali għandhom fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna u b’hekk qed ikomplu jiftħu l-istabbilimenti ġodda, jinvestu, jkabbru l-operat tagħhom u joħolqu aktar impjiegi ġodda.
Il-Ministru Azzopardi spjega li fl-aħħar leġiżlatura, l-Gvern ħoloq katina ta’ inċentivi u skemi sabiex jgħin lin-negozji kollha Maltin u Għawdxin ikomplu jikbru, fosthom iż-żewġ skemi ta’ fejda li tant għenu lin-negozji; l-Microinvest li permezz tagħha 1700 negozju ingħataw aktar minn 11.5-il miljun Ewro fi tnaqqis tal-income tax u l-MicroCredit li sal-llum ibbenefikaw minnha aktar minn 440 negozju, li sselfu 38 miljun Ewro u li flimkien investew ’l fuq minn 60 miljun Ewro. Semma wkoll il-Business First, il-one stop shop li joffri aktar minn 50 servizz tal-Gvern taħt saqaf wieħed, li sal-lum għamlu kuntatt miegħu mad-9000 sid tan-negozju. Bidla radikali oħra kienet dik tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju, li fissret tnaqqis ta’ burokrazija, aktar flessibilità u effiċjenza. Semma wkoll iż-zieda fil-ħruġ tal-liċenzji kummerċjali li fl-2008 kienu jammontaw 15,838 u illum ġew jammontaw għal 17,255. Dawn, qal l-Ministru huma ftit mill-inċentivi li l-Gvern ħoloq fl-aħħar 5 snin għan-negozji żgħar sabiex jgħinhom ikomplu jinvestu, jikbru u jsaħħu l-ekonomija Maltija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en