Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL

pr2739
Date Icon 12/12/2012

82% tat-tfal Maltin iħobbu jaqraw

Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’żewġ studji internazzjonali - PIRLS li jiffoka fuq il-qari u TIMSS li jiffoka fuq ix-Xjenza u l-Matematika. Dawn is-surveys saru is-sena l-oħra fost studenti tar-raba’ sena fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex flimkien mal-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel.

Fir-rapport tal-PIRLS, Malta ġiet kklassifikata fil-livell intermedjari fil-kisba tal-qari. Ir-riżultati f’dan ir-rapport juru biċ-ċar li hemm differenzi fil-mod kif l-istudenti Maltin jitgħallmu u fil-livell li kien mistħoqq minnhom f’dan it-test. Eżempju ċar huwa l-mod kif jiġu mpoġġija ċertu mistoqsijiet u t-tul ta’ passaġġi tal-qari li l-studenti Maltin tar-raba’ sena huma preparati għalih.

Hemm riżultati li huma inkoraġġanti fosthom li 82% tal-istudenti Maltin tar-raba’ sena tal-Primarja huma motivati ħafna biex jaqraw, li huwa aktar mill-medja internazzjonali (74%). Il-parteċipazzjoni tal-familji Maltin fl-edukazzjoni ta’ wliedhom fejn jidħol il-qari għandha effett pożittiv fuq ir-riżultati fil-qari. 46% tal-ġenituri Maltin jħobbu jaqraw, li huwa ferm ogħla mill-medja internazzjonali ta’ 32%. Dan ipoġġi lil Malta fis-sitt post mill-45 pajjiż.

Fil-Matematika, l-istudenti tar-raba’ sena marru pjuttost tajjeb. Malta ġiet fit-28 post mill-50 pajjiż li pparteċipaw fit-TIMSS. L-istudenti Maltin marru tajjeb ħafna fejn jidħlu fatti, kunċetti u proċeduri li għandhom ikunu jafu fil-Matematika fejn il-medja tal-istudenti Maltin hija ta’ 8 punti aktar mill-medja internazzjonali. Malta għandha 4% tal-istudenti li laħqu l-ogħla livell fil-Matematika li hu daqs il-medja internazzjonali.

Fix-Xjenza l-istudenti tar-raba’ sena tal-primarja ġabu riżultati mhux daqshekk sbieħ u dan għaliex l-istudenti tagħna jibdew  tagħlim tax-Xjenza aktar tard u fis-sistema Maltija, ix-Xjenza fil-Primarja huwa aktar iffukat fuq attivitajiet ta’ prattika. Madankollu xorta kien hemm studenti li marru tajjeb aktar mill-medja internazzjonali fosthom fix-Xjenza Fiżika fejn qabżu l-medja b’7 punti u fir-Raġunament fejn qabżu l-medja bi 13-il punt. Malta ġiet l-40 post mill-pajjiżi li pparteċipaw fl-istudju.

Dawn l-istudji jagħtuna stampa ta’ kif is-sistema edukattiva Maltija tħabbatha ma’ sistemi barranin. Id-Direttorati tal-Edukazzjoni se janalizzaw bir-reqqa dawn ir-riżultati biex inkomplu nsaħħu t-tagħlim fix-Xjenza, l-Matematika u l-qari mill-primarja biex dejjem intejbu l-prestazzjoni tal-istudenti Maltin fi studji internazzjonali. M’hemmx dubju li r-riformi li bdejna fl-aħħar snin u l-Kurrikulu l-ġdid se jkomplu jtejjeb dawn ir-riżultati meta Malta tibqa’ tiehu sehem f’dawn l-istudji internazzjonali.

Sadattant f’konferenza tal-aħbarijiet li taw dal-għodu l-kelliema Laburisti dwar l-Edukazzjoni Evarist Bartolo u Owen Bonnici, għażlu li jinjoraw kompletament l-istudju tat-TIMMS dwar il-Matematika u x-Xjenza li ħareġ flimkien mar-rapport li dwaru tkellmu fil-konferenza.

Matul dawn l-aħħar snin żdiedu r-riżorsi fil-klassijiet u fl-iskejjel tant li l-Baġit tal-Edukazzjoni żdied b’aktar minn €110 miljun fl-aħħar ħames snin. L-akbar żjieda marret fuq ir-riżorsi umani, fosthom għalliema, professjonisti oħra u Learning Support Assistants. Sar ukoll investiment kbir fir-riżorsi u l-għodod tat-tagħlim.

Il-Gvern investa ħafna fit-taħriġ tal-għalliema, żdiedu il-Literacy Support Teachers u l-Complimentary Teachers li jaħdmu mat-tfal tant li l-Unjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar il-Litteriżmu irriferiet għal din il-miżura bħala Prattika Tajba.

Dwar l-istudenti li ma jkomplux jistudjaw hu ċar li l-Partit Laburista qed jagħmel analiżi ħażina tal-istatistika.

Biex wieħed jara kemm mill-istudenti qed ikomplu jistudjaw, irid iqabbel in-numru ta’ dawk li llum għandhom 19-il sena ma’ dawk li kellhom 17-il sena sentejn ilu.

Meta jsir dan il-paragun joħroġ ċar li minn dawk ta’ 17-ilsena li kienu fl-edukazzjoni avanzata u ogħla, 8% biss ma baqgħux jistudjaw u mhux 30% kif qed jgħid il-Partit Laburista.  Din id-differenza mhux bilfors għax dawn l-istudenti telqu mill-istudju imma għax ikunu temmew b’suċċess kors ta’ sentejn li setgħu kienu qed jagħmlu.  Il-verita’ hi li mill-2008 ’l quddiem, l-istudenti li jkomplu jistudjaw wara l-iskola sekondarja żdiedu sostanzjalment u b’mod konsistenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow