STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL
82% tat-tfal Maltin iħobbu jaqraw
Malta ħadet sehem għall-ewwel darba f’żewġ studji internazzjonali - PIRLS li jiffoka fuq il-qari u TIMSS li jiffoka fuq ix-Xjenza u l-Matematika. Dawn is-surveys saru is-sena l-oħra fost studenti tar-raba’ sena fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex flimkien mal-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel.
Fir-rapport tal-PIRLS, Malta ġiet kklassifikata fil-livell intermedjari fil-kisba tal-qari. Ir-riżultati f’dan ir-rapport juru biċ-ċar li hemm differenzi fil-mod kif l-istudenti Maltin jitgħallmu u fil-livell li kien mistħoqq minnhom f’dan it-test. Eżempju ċar huwa l-mod kif jiġu mpoġġija ċertu mistoqsijiet u t-tul ta’ passaġġi tal-qari li l-studenti Maltin tar-raba’ sena huma preparati għalih.
Hemm riżultati li huma inkoraġġanti fosthom li 82% tal-istudenti Maltin tar-raba’ sena tal-Primarja huma motivati ħafna biex jaqraw, li huwa aktar mill-medja internazzjonali (74%). Il-parteċipazzjoni tal-familji Maltin fl-edukazzjoni ta’ wliedhom fejn jidħol il-qari għandha effett pożittiv fuq ir-riżultati fil-qari. 46% tal-ġenituri Maltin jħobbu jaqraw, li huwa ferm ogħla mill-medja internazzjonali ta’ 32%. Dan ipoġġi lil Malta fis-sitt post mill-45 pajjiż.
Fil-Matematika, l-istudenti tar-raba’ sena marru pjuttost tajjeb. Malta ġiet fit-28 post mill-50 pajjiż li pparteċipaw fit-TIMSS. L-istudenti Maltin marru tajjeb ħafna fejn jidħlu fatti, kunċetti u proċeduri li għandhom ikunu jafu fil-Matematika fejn il-medja tal-istudenti Maltin hija ta’ 8 punti aktar mill-medja internazzjonali. Malta għandha 4% tal-istudenti li laħqu l-ogħla livell fil-Matematika li hu daqs il-medja internazzjonali.
Fix-Xjenza l-istudenti tar-raba’ sena tal-primarja ġabu riżultati mhux daqshekk sbieħ u dan għaliex l-istudenti tagħna jibdew tagħlim tax-Xjenza aktar tard u fis-sistema Maltija, ix-Xjenza fil-Primarja huwa aktar iffukat fuq attivitajiet ta’ prattika. Madankollu xorta kien hemm studenti li marru tajjeb aktar mill-medja internazzjonali fosthom fix-Xjenza Fiżika fejn qabżu l-medja b’7 punti u fir-Raġunament fejn qabżu l-medja bi 13-il punt. Malta ġiet l-40 post mill-pajjiżi li pparteċipaw fl-istudju.
Dawn l-istudji jagħtuna stampa ta’ kif is-sistema edukattiva Maltija tħabbatha ma’ sistemi barranin. Id-Direttorati tal-Edukazzjoni se janalizzaw bir-reqqa dawn ir-riżultati biex inkomplu nsaħħu t-tagħlim fix-Xjenza, l-Matematika u l-qari mill-primarja biex dejjem intejbu l-prestazzjoni tal-istudenti Maltin fi studji internazzjonali. M’hemmx dubju li r-riformi li bdejna fl-aħħar snin u l-Kurrikulu l-ġdid se jkomplu jtejjeb dawn ir-riżultati meta Malta tibqa’ tiehu sehem f’dawn l-istudji internazzjonali.
Sadattant f’konferenza tal-aħbarijiet li taw dal-għodu l-kelliema Laburisti dwar l-Edukazzjoni Evarist Bartolo u Owen Bonnici, għażlu li jinjoraw kompletament l-istudju tat-TIMMS dwar il-Matematika u x-Xjenza li ħareġ flimkien mar-rapport li dwaru tkellmu fil-konferenza.
Matul dawn l-aħħar snin żdiedu r-riżorsi fil-klassijiet u fl-iskejjel tant li l-Baġit tal-Edukazzjoni żdied b’aktar minn €110 miljun fl-aħħar ħames snin. L-akbar żjieda marret fuq ir-riżorsi umani, fosthom għalliema, professjonisti oħra u Learning Support Assistants. Sar ukoll investiment kbir fir-riżorsi u l-għodod tat-tagħlim.
Il-Gvern investa ħafna fit-taħriġ tal-għalliema, żdiedu il-Literacy Support Teachers u l-Complimentary Teachers li jaħdmu mat-tfal tant li l-Unjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar il-Litteriżmu irriferiet għal din il-miżura bħala Prattika Tajba.
Dwar l-istudenti li ma jkomplux jistudjaw hu ċar li l-Partit Laburista qed jagħmel analiżi ħażina tal-istatistika.
Biex wieħed jara kemm mill-istudenti qed ikomplu jistudjaw, irid iqabbel in-numru ta’ dawk li llum għandhom 19-il sena ma’ dawk li kellhom 17-il sena sentejn ilu.
Meta jsir dan il-paragun joħroġ ċar li minn dawk ta’ 17-ilsena li kienu fl-edukazzjoni avanzata u ogħla, 8% biss ma baqgħux jistudjaw u mhux 30% kif qed jgħid il-Partit Laburista. Din id-differenza mhux bilfors għax dawn l-istudenti telqu mill-istudju imma għax ikunu temmew b’suċċess kors ta’ sentejn li setgħu kienu qed jagħmlu. Il-verita’ hi li mill-2008 ’l quddiem, l-istudenti li jkomplu jistudjaw wara l-iskola sekondarja żdiedu sostanzjalment u b’mod konsistenti.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en