APPROVAT IL-ĦRUĠ TAL-PERMESS MILL-MEPA GĦAL BINI TA’ CAR PARK TAĦT L-ART U ĠNIEN PUBBLIKU GĦAX-XATT TA’ TAS-SLIEMA
Il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jilqa’ b’sodisfazzjon l-approvazzjoni mill-MEPA tal-applikazzjoni għal bini ta’ car park taħt l-art u ġnien pubbliku fix-Xatt ta’ Tas-Sliema.
Dan il-proġett jikkumplimenta l-investiment li diġà għamel il-Gvern Ċentrali bħala upgrading taż-żona kummerċjali u dik residenzjali ta’ tas-Sliema.
Il-Ministeru għal dawn l-aħħar xhur ħadem biex tfasslet applikazzjoni u sar xogħol tekniku ħalli jinħargu t-tenders.
Il-Car park se joffri spazju għal fuq minn 200 karozza hu huwa maħsub li jkun għall-short stay parking. Is-saqaf kollhu tal-car park ser ikun ġnien pubbliku. Dan il-proġett ma jtellef xejn mill-vista tal-baħar li hemm illum. Il-car park mhux se jaqbeż il-livell tat-triq u għalhekk fejn illum wieħed jara kakofonija ta’ karozzi, b’dan il-proġett il-wiċċ taċ-ċentru tax-Xatt ta’ Tas-Sliema se jinbidel fi ġnien pubbliku. Id-disinn ta’ dan il-proġett jikkumplimenta ukoll d-dehra marittima ta’ din iż-żona.
Il-ġnien mifrux fuq 6000 metru kwadru ta’ art se joffri spazju miftuħ u rikreattiv b’aktar siġar, kif ukoll se jkun imsebbaħ b’numru ta’ funtani. Apparti l-monument tal-Gwerra li ser jerġa’ jitpoġġa f’dan il-ġnien ser jiżdiedu żewġ monumenti oħra, wieħed għal plejer leġġendarju ta’ Sliema Wanderers Tony Nicholl u l-ieħor għall-iskultur Ċensu Apap. Fl-istess proġett ser ikun hemm tlett kiosks li joffru servizzi inkluż tourist information office u kiosk ċentrali biex ibigħ il-biljetti tal-laneċ. F’dan il-proġett ser ikun integrati ukoll lifts kif ukoll numru ta’ public conveniences.
Il-proġett hu maħsub li jinbeda fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla wara li jkun għadda minn proċess ta’ tendering u għandu jieħu madwar sena biex jitlesta. Hekk kif il-Gvern żamm kommunikazzjoni mal-Kunsill Lokali u l-Sliema Business Community fuq id-disinn tal-proġett hekk ukoll ser iżomm kuntatt maż-żewġ entitajiet dwar l-implimentazzjoni u perjodu ta’ implimentazzjoni biex kemm jista’ jkun tkun limitata l-inkonvenjenza.
Il-car park u l-ġnien se jsiru b’investiment ta’ €7 miljun li €3.5 miljun minnu se jitħallas mill-fondi li nġabru mill-MEPA għal faċilitajiet ta’ parkeġġ (Commuted Parking Payment Scheme).
Intant bejn is-Sibt 15 ta’ Diċembru u s-Sibt 13 ta’ Jannar 2013, fil-Plaza Shopping Centre, se jkun hemm esebiti kemm mudell, artist impression u pjanti tal-proġett biex wieħed ikun jista’ jifhem aħjar u jara kif se jkun jidher ix-Xatt ta’ Tas-Sliema meta jitlesta dan il-proġett.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en