Left arrow Go Back

IL-GVERN IKOMPLI JINVESTI F’FAĊILITAJIET EDUKATTIVI TAL-OGĦLA KWALITÀ

pr2733
Date Icon 12/12/2012

Ix-xogħol fuq il-bini ta’ Child Care Centre ġdid f’San Ġwann li beda sitt ġimgħat ilu jinsab fi stadju avvanzat u ċ-ċentru mistenni jibda jilqa’ l-ewwel tfal fih fl-ewwel xhur tal-2013.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina flimkien mas-Segretarju Parlamentari Clyde Puli u l-Assistant Parlamentari Stephen Spiteri, dalgħodu żaru x-xogħlijiet fuq dan il-proġett.

F’kelmtejn lill-ġurnalisti il-Ministru Cristina qalet li matul din il-leġislatura nfetħu numru ta’ child care centres  ġodda, fosthom 7 ċentri Smartkids.

L-investiment fil-ftuħ u t-tmexxija ta’ child care centres f’dawn l-aħħar 5 snin (2008-2013) se jkun qed jilħaq il-€5.3 miljun. Permezz ta’ dan l-investiment it-tfal li jagħmlu użu miċ-child care centres żdiedu minn 116 għal 835.

Dan barra l-flus li qed jiffrankaw il-familji f’taxxa meta jibagħtu lil uliedhom f’child care centre.

Il-Ministru semmiet ukoll il-programm Klabb 3-16 li jiftaħ sas-sitta ta’ filgħaxija u li fih jattendu tfal mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti.  Dawn joffru programmi edukattivi u ta’ rikreazzjoni lit-tfal waqt li l-ġenituri jkollhom serħan il-moħħ li uliedhom qed jiġu offruti ħarsien u appoġġ wara l-ħin tal-iskola u waqt il-vaganzi tal-iskola.

Bħalissa għandna tmien ċentri f’diversi lokalitajiet u fix-xhur li ġejjin se jinfetħu 20 Klabb ieħor madwar Malta u Għawdex bl-għan li aktar studenti jingħataw dan is-servizz waqt li l-ġenituri tagħhom jistgħu jkunu qegħdin ix-xogħol.

In-numru ta’ tfal li għamlu użu mis-servizz ta’ Klabb 3-16 bejn Ottubru 2009 u Settembru 2012 kien ta’ 3000. Fis-Sajf tal-2012 biss, kien hemm total ta’ 1,055 tifel u tifla li attendew Klabb 3-16.

Il-Ministru Cristina qalet li dawn is-servizzi qed jgħinu biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Tant hu hekk li Malta hi waħda mill-aktar pajjiżi li rnexxielha tgħolli r-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol biex minn 34.3 fil-mija fl-2002, illum il-ġurnata għandna 43.9 fil-mija tan-nisa li qed jaħdmu bi qligħ.

Għalkemm baqa’ xi jsir biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol, ir-riżultati li kiseb pajjiżna huma inkoraġġanti ħafna. Dan grazzi għall-opportunitajiet fil-qasam tax-xogħol kif ukoll fin-numru ta’ miżuri favur il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol li nieda dan il-Gvern.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li miżuri oħra li servew bħala inċentiv biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol kienu l-arranġamenti ta’ xogħol flessibli fosthom it-Telework, il-Leave tal-Maternità li reġa’ żdied, ir-Reduced Hours, il-Flexitime, u l-Job Sharing.

In-numru ta’ persuni li bbenefikaw minn dawn il-miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja iktar minn irdoppja bejn l-2006 u l-2010.

Barra minn hekk il-Gvern introduċa wkoll numru ta’ inċentivi fiskali li minnhom ibbenefikaw in-nisa u l-familji.

• Kull omm li diġà taħdem jew m’ilhiex nieqsa mix-xogħol għal 5 snin u tidħol lura wara li jkollha t-tfal, tingħata sena tnaqqis mill-income tax għal kull wild mill-2007 ’l hawn;

• Fil-baġit għall-2012, tħabbret miżura ta’ tnaqqis mit-taxxa għall-ġenituri li kompliet tattira aktar nisa tal-familja lejn id-dinja tax-xogħol. Għalhekk, apparti l-kategoriji tal-income tax singola u konġunta, inħolqot kategorija ġdida ta’ komputazzjoni Ġenitur.  Din tgħodd għal ġenituri li għandhom tfal li ma jaħdmux bi qligħ fil-kustodja tagħhom sal-eta’ ta’ 18-il sena jew tfal li għandhom sa 21 sena jekk dawn ikunu qegħdin ikomplu l-edukazzjoni tagħhom f’istituzzjonijiet edukattivi terzjarji.

• Bl-għan li aktar nisa jitħajjru jidħlu fis-suq liberu u mhux fl-ekonomija informali, u biex b’hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċji soċjali li jeżistu għall-ħaddiema, il-Gvern ta l-possibilita' lil dawn in-nisa li jħallsu kontribuzzjoni ta’ 15% pro-rata għad-dħul tagħhom. Din il-kontribuzzjoni imbagħad tissarraf f’benefiċċji soċjali pro-rata fejn applikabbli.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport Clyde Puli qal li fuq l-istess art tal-Gvern fejn qed jinbena c-Child Care Centre, il-Gvern qed jgħin lill-Klabb tal-Football ta’ San Ġwann biex ikompli jtejjeb il-faċilitajiet sportivi li għandu.

Fid-diskors tiegħu, l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport tenna li bl-inizjattivi li ħa dan il-Gvern tejjeb l-kwalità tal-ħajja tal-familja żagħżugħa u moderna. Huwa tenna li ċ-childcare centres u ċ-ċentri Klabb 3-16 li bena dan il-Gvern fl-aħħar snin jikkumplimentaw il-lista inizjattivi li l-Gvern ħa biex familji żgħażagħ jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tal-familja max-xogħol. Puli qal li l-Gvern ħadem biex il-Kulleġġi jagħtu servizz ta’ edukazzjoni ħolistika lit-tfal li tinkludi l-isport u l-attività fiżika u servizzi għall-familja. B’hekk qed isir immanigjar aħjar ta’ riżorsi u fl-istess ħin l-iskejjel qed isiru ċentri tal-komunità.   

Il-Gvern jemmen li l-isport jikkultiva soċjetà b’saħħita u jiżviluppa l-ħiliet tal-individwu u għalhekk kompla jinkoraġixxi l-isport u l-eżerċizzju fiżiku li jwassal għal stil ta’ ħajja b’saħħtu u jnaqqas il-problema tal-obeżità u fl-istess waqt jibni l-karattru tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Huwa saħaq li għal dan il-għan il-Gvern kompla jifrex aktar il-programmi sportivi tiegħu biex jolqot firxa usa ta’ nies u llum il-Kunsill Malti għall-Isport għandu numru ta’ programmi sportivi ġodda għat-tfal, żgħażagħ, nisa, anzjani u persuni b’diżabilità. Is-Segretarju Parlamentari fakkar kif matul din il-leġislatura il-Gvern waqqaf l-iSport Promotion Unit fl-iskejjel li qed torganizza festivals u tournaments fl-iskejjel lilhinn mill-lezzjonijiet tal-PE. L-SPU qed torganizza wkoll programmi ta’ ħiliet bażiċi fl-isport: fil-motorskills, fil-ġinnastika, fl-atletika u fl-għawm. Qal ukoll li permezz ta’ programm ieħor imniedi f’din il-leġislatura il-Gvern flimkien mal-Kunsilli Lokali qed itella’ programmi sportivi għal kulħadd fil-għaxijiet fil-komunità, fejn aktar minn 18,000 persuna attendew għal dan il-programm.

Il-Gvern qed jidħol wkoll bi sħab mal-għaqdiet sportivi biex ikollhom il-faċilitajiet sportivi tagħhom permezz li jgħaddi art pubblika għand dawn l-għaqdiet, filwaqt li jgħinhom biex jiżviluppawha. Permezz t’hekk eluf tat-tfal li jattendu dawn in-nurseries qed jużaw faċilitajiet sportivi moderni u tal-ogħla kwalità.

Aktar minn hekk il-Gvern qed jiftaħ il-faċilitajiet sportivi tiegħu fl-iskejjel qabel u wara l-ħinijiet tal-iskola biex ikun massimizzat l-użu tal-investiment kbir li sar mill-Gvern fl-aħħar snin fil-bini ta’ skejjel ġodda. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow