KULĦADD DIFFERENTI ILKOLL INDAQS – TEMA TA’ KONFERENZA DWAR ID-DIŻABILITÀ F’GĦAWDEX
L-uffiċċju tal-Koordinatur dwar id-Diżabilità għal Għawdex flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) organizzaw konferenza bit-tema ’Kulħadd Differenti lkoll Indaqs’. Din il-konferenza nżammet ġewwa ċ-ċentru għal matul il-jum Santa Marta, li f’dawn l-aħħar tliet snin tejjeb mhux ftit il-faċilitajiet minn fejn tiġi koordinata ħidma b’risq persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom f’Għawdex.
Din il-konferenza ġiet imtellgħa fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità u serviet ukoll biex ingħatat aktar informazzjoni dwar ir-ratifika u l-bidu tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’pajjiżna. Din ir-ratifika ġiet iffirmata f’Ottubru u daħlet fis-seħħ f’Novembru ta’ din is-sena.
F’messaġġ li bagħtet il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, għal din l-okkażjoni, fissret kif okkażjonijiet bħal dawn jiswew biex is-soċjetà tkompli tirrikonoxxi l-ħtiġijiet partikolari tal-qasam tad-diżabilità. Dan il-messaġġ ġie mwassal mill-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru rreferiet ukoll għall-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u kif matul dawn is-snin din il-Kummissjoni ħadmet bla waqfien b’risq il-qasam tad-diżabilità f’pajjiżna. Filwaqt li ddeskriviet din il-ħidma bħala ’katalist ewlieni’ fil-proċess li kien jinkludi tragwardi importanti bħal ma kien it-tfassil u l-approvazzjoni tal-’Liġi Opportunitajiet Indaqs’, liema liġi tkopri u tinkludi wkoll bosta elementi li tipproponi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif it-twaqqif taċ-ċentru għal matul il-jum Santa Marta kien investiment għaqli li f’dawn it-tliet snin għamel u qed ikompli jagħmel differenza fis-servizzi li jingħataw lil persuni b’diżabilità f’Għawdex. Hija esprimiet sodisfazzjon għal koperazzjoni bejn iċ-ċentru u l-Federazzjoni Għawdxija Persuni b’Diżabilità li toffri s-servizzi tagħha mill-uffiċċju tal-Koordinatur dwar id-Diżabilità għal Għawdex. Dan l-uffiċċju ġie mwaqqaf mill-Federazzjoni fiċ-ċentru Santa Marta u qed joffri servizzi ta’ one-stop-shop minn fejn tiġi koordinata assistenza dwar diversi servizzi relatati ma’ dan il-qasam. Dan naqqas b’mod qawwi l-ħtieġa li wieħed irid jiġri minn uffiċċju għal ieħor biex jinqeda f’diversi bżonnijiet li jista’ jkollu.
Id-day centre qed joffri servizzi lil madwar 30 persuna adulta li b’mod regolari jqattgħu ħafna mill-ħin tagħhom ma’ persuni oħrajn fl-ambjent akkoljenti u sabiħ li joffri dan iċ-ċentru. Minbarra terapiji differenti, is-servizzi offruti f’dan iċ-Ċentru jolqtu wkoll aspetti oħra li jsaħħu wkoll id-diversi abiltajiet tad-destinatarji, filwaqt li jkomplu jħarrġuhom biex jiksbu ħiliet ġodda li jgħinuhom jgħixu b’mod aktar indipendenti. F’dawn l-aħħar xhur tliet persuni li jattendu dan iċ-ċentru bdew esperjenzi ta’ impjieg fil-komunità permezz tal-iskema Me2. Fattur pożittiv ieħor hu marbut mal-fatt li 3 mill-parteċipanti regolari għandhom aktar minn 70 sena. Dan jixhed l-impenn ewlieni tal-politika tal-Gvern li sakemm hu possibbli persuni b’diżabilità u dawk anzjani jinżammu fil-qalba tal-komunità u fil-familji.
Il-konferenza kienet immexxija mis-Sur Joseph M. Camilleri, Chairperson tal-KNPD. Tkellem ukoll l-Onor. Anton Refalo, kelliem ewlieni għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Għawdex.
Is-Sinjura Mary Rose Attard, Koordinatur dwar id-Diżabilità f’Għawdex, tkellmet dwar l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni għall-persuni b’diżabilità f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en