ERBA’ ASSISTENTI ĠUDIZZJARJI ĠODDA FIL-QRATI F’PAJJIŻNA
Erba’ Assistenti Ġudizzjarji fuq bażi part-time ngħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jibdew jaħdmu fil-Qrati f’pajjiżna.
Il-warrants ingħataw mill-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, li spjega li issa n-numru ta’ Assistenti Ġudizzjarji f’pajjiżna se jitla’ għal 33 minn 29. 25 Assistenti Ġudizzjarji jaħdmu fuq bażi ta’ part-time u 8 Assistenti Ġudizzjarji jaħdmu fuq bażi ta’ full-time, wieħed minnhom fil-Qorti f’Għawdex.
Chris Said fisser kif il-ħsieb tal-Gvern wara dan l-aħħar ingaġġ ta’ iktar riżorsi umani ta’ kwalità fil-Qrati f’Malta, qed issir biex dawn l-Assistenti Ġudizzjarji jibdew iservu wkoll fil-kamp Kriminali u mhux biss fil-kamp Ċivili kif kienet il-prassi s’issa.
Filwaqt li awgura kull suċċess lil dawn l-uffiċjali u esprima t-tama li l-esperjenza tagħhom fil-Qrati tkun ta’ sodisfazzjoni għalihom personali u ta’ benefiċċju għall-Qrati Maltin, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li din hi okkażżjoni oħra fejn il-Gvern qed jinvesti f’aktar riżorsi umani biex ikompli jsaħħaħ bir-riżorsi neċessarji lill-bank tal-Ġudikatura bi professjonisti li jistgħu jgħinu ħafna fit-twettieq tal-missjoni importanti tagħhom. B'hekk ukoll, spjega l-Ministru Said, il-Qrati Maltin jkomplu jtejbu l-effiċjenza.
Ir-rwol tal-Assistent Ġudizzjarju qed isir dejjem iktar importanti minħabba l-volum tax-xogħol li qed imur għand il-membri tal-Ġudikatura kif ukoll minħabba l-varjetà wiesgħa ta' kawżi li twassal għall-bżonn ta’ riċerka profonda u akkurata qabel tingħata s-sentenza. Hu preċiżament minħabba l-kwantita' u l-kwalità ta' kawżi li wassal lill-Gvern biex ikompli jingaġġa aktar Assistenti Ġudizzjarji fil-Qrati Maltin.
Kif jimplika l-isem, l-Assistenti Ġudizzjarji qegħdin hemm biex jassistu lill-Ġudikatura fil-proċess ġudizzjarju. Il-funzjonijiet tagħhom huma regolati mil-liġi, minn Kap. 12, b’mod partikolari mill-Artikolu 97A.
Huma mistennija jagħmlu riċerka kif mitluba mill-ġudikanti, iżommu s-seduti biex jisimgħu x-xhieda, jieħdu affidavits u dokumenti li joħoroġu mix-xhieda u dak kollu li jiġi ordnat lilhom li jagħmlu mill-Qorti li magħha jkunu assenjati. Dan kollu mistenni jgħin biex il-proċessi ġudizzjarji jimxu b'mod aktar mgħaġġel u effiċjenti. Biex jaqdu aħjar il-funzjonijiet tagħhom, huma għandhom is-setgħa li jordnaw l-attendenza ta' persuni biex jixhdu, biex jagħmlu affidavit jew dikjarazzjoni inkella biex jieħdu xi dokumenti.
Din il-kariga hi limitata għal persuni li jkollhom il-warrant ta' avukat. Biex wieħed ikun jista' jaqdi din il-kariga irid jingħata l-ħatra mill-President ta' Malta, permezz ta’ warrant. Qabel ma’ Assistent Ġudizzjarju jibda jwettaq l-funzjonijiet tiegħu jrid jieħu l-ġurament tal-ħatra quddiem il-Qorti tal-Appell.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en