Left arrow Mur Lura

ŻEWĠ TAQSIMIET GĦAL TFAL U ŻGĦAŻAGĦ B’DIŻABILITA’ SE JINTUŻAW MILL-ĠIMGĦAT LI ĠEJJIN

pr2716
Date Icon 10/12/2012

Żewġ taqsimiet f’Birżebbuġa, li nbnew apposta u bħalissa għaddej l-aħħar xogħlijiet ta’ tlestija fihom, mistennija jibdew jintużaw għall-ġid ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilita’ intellettwali mill-ġimgħat li ġejjin.

Iż-żewġ taqsimiet, li se jservu waħda bħala residenza għal tfal u żgħażagħ b’diżabilita’ intellettwali u l-oħra bħala ċentru ta’ terapija għall-istess kategorija ta’ klijenti, qed isiru minn fondi ivvutati apposta fil-Baġit għas-sena 2012 bil-għan li jiżdiedu s-servizzi għal tfal u żgħażagħ b’diżabilita’ f’pajjiżna. B’riżultat ta’ hekk mhux biss igawdu t-tfal u ż-żgħażagħ infushom imma wkoll il-familji mmedjati tagħhom.

L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, żar il-proġett fi Triq Tal-Ġebel f’Birżebbuġa li issa jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu. Sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija titlesta kompletament ir-residenza filwaqt li qrib l-aħħar ta’ Jannar mistenni jitlesta ċ-ċentru ta’ terapija. Iż-żewġ taqsimiet se jitmexxew minn Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.

Il-Ministru spjega kif ir-residenza se tkun qed tilqa’ biex jgħixu fiha bejn ħames u sitt itfal ta’ etajiet qrib xulxin bil-għan li jissaħħu wkoll relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejniethom. In-numru eżatt mistenni jiġi stabbilit fil-qrib hekk kif jiġu identifikati t-tfal li se jkunu qed jgħixu f’din ir-residenza u allura skont id-diżabilitajiet individwali tagħhom u l-attenzjoni meħtieġa anke fejn jidħol l-aspett ta’ sigurta’.

Huwa spjega li din ir-residenza se tkun qed toffri servizz personalizzat lil kull resident fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Se jfisser ukoll li l-Gvern se jiddedika ħaddiema professjonali apposta li jingħataw ukoll taħriġ speċjalizzat biex jieħdu ħsieb lit-tfal, filwaqt li jżommu kuntatt kontinwu mal-ġenituri jew ma’ min għandu l-kustodja tagħhom, kif ukoll ma’ ħaddiema oħra professjonali fosthom Social Workers.  Bħalissa għaddej it-taħriġ ta’ dawn il-ħaddiema

Chris Said fisser kif il-kunċett li qed jintuża f’din ir-residenza jwassal biex din se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u hi ntenzjonata li toħloq ambjent ta’ dar għal tfal jew żgħażagħ li minflok ikun hemm possibilita’ li jsibu ruħhom f’istituzzjoni. “Dan bla dubju joħloq ambjent iktar pożittiv għal dawn it-tfal jew żgħażagħ”, fisser il-Ministru, “bil-Gvern juri b’mod tanġibbli li jimpurtah mill-ħtiġijiet ta’ żvilupp, ħtiġijiet soċjali, edukattivi, ta’ saħħa, sigurta’ u rikreattivi ta’ kull individwu, inkluż il-vulnerabbli u l-familji tagħhom”.

Iċ-ċentru terapewtiku mistenni joffri servizzi psikoloġiċi u ta’ terapija fuq bażi personalizzata u anke fuq bażi ta’ grupp fejn meħtieġ, kemm lit-tfal jew żgħażagħ kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom. Is-servizzi se jingħataw kemm lil dawk li jgħixu fi djar residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport, fi djar immexxija minn għaqdiet mhux governattivi li qed jingħataw għajnuna finanzjarja mill-Gvern, kif ukoll dawk li qed jgħixu fid-dar privata tagħhom fil-komunita’.

Il-Ministru semma’ kif dan iċ-ċentru se jkollu fost l-oħrajn Multi-Sensory White Room, Soft Room u kamra għall-użu ta’ play therapy u drama therapy.

Huwa fisser kif dawn iż-żewġ taqsimiet ifissru b’mod tanġibbli l-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ kulħadd f’pajjiżna filwaqt li rrefera għal proġetti oħra li jinkoraġixxu lill-persuni b’diżabilita’ jibqgħu jgħixu fil-komunita’ fosthom iċ-ċentru Sonia Tanti f’Ħal Far kif ukoll iċ-ċentri ta’ matul il-jum li tmexxi Aġenzija Sapport bil-għan li tagħti taħriġ li jgħinu lill-persuna b’diżabilita’ tgħix fil-komunita’ fil-ħajja tagħha ta’ kuljum.

Il-Ministru Said irrefera wkoll għall-impenn tal-Gvern, kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla, li jkompli jżid is-servizzi residenzjali għall-persuni b’diżabilita’ li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familji tagħhom u semma’ kif fis-sena li ġejja l-Gvern irid jiftaħ residenzi għall-persuni b’diżabilita’ f’Għawdex bi sħab ma’ għaqdiet volontarji.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow