DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA “IT-TWELID U T-TFULIJA TA’ ĠESU’. PITTURI BAROKKI MALTIN MINN KOLLEZZJONIJIET PRIVATI”, LI QED ISSIR FIL-BERĠA TA’ KASTILJA. Il-ĦADD, 9 TA` DIĊEMBRU 2012
Wara li l-Milied li għadda għamilna wirja tal-Bambini tal-Milied, din is-sena qed intellgħu l-wirja ‘It-Twelid u t-Tfulija ta’ Ġesù. Pitturi Barokki Maltin minn Kollezzjonijiet Privati.’ Din hija hija okkażjoni partikolari sabiex naraw mill-qrib għażla mirquma ta’ xogħlijiet żgħar tal-arti magħmula minn protagonisti Maltin matul il-Barokk Tardiv. Fil-fatt, ix-xogħlijiet f’din il-wirja jkopru l-perjodu ta’ bejn l-1670 u l-1780, jiġifieri l-perjodu ta’ bejn 350 u 250 sena ilu.
Għal din il-wirja għażilna xogħlijiet esebiti li kienu magħmula għas-suq privat jiġifieri għad-djar u mhux għall-knejjes jew palazzi pubbliċi. L-għamla u d-daqs ta’ dawn il-kwadri turi biċ-ċar li kienu magħmula biex jiddendlu fi djar privati, imwaħħla ma’ xi ħajt għoli mimli b’pitturi oħra, kif kient l-użanza fis-sekli sbatax u tmintax. Barra minn hekk, kważi dawn il-pitturi kollha qed jintwerew fil-pubbliku għall-ewwel darba.
Għalhekk l-ewwelnett nirringrazzja lilkom is-sidien ta’ dawn il-pitturi li għoġobkom tilqgħu l-istedina tagħna biex il-poplu Malti, u t-turisti li jkun jkun hawn fostna, jistgħu jgawduhom. Napprezza li kien ukoll diffiċli għalikom li propju fi żmien il-Milied, dawn il-pitturi ma jkunux fi djarkom imma jkunu qed jitgawdew mill-poplu tagħna. Grazzi.
Din hija opportunità unika ta’ studju ta’ xogħlijiet żgħar kemm lil dawk li jħobbu l-arti kif ukoll lir-riċerkaturi biex nagħrfu aktar u aħjar l-identità u l-istorja kulturali ta’ pajjiżna. Nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja wkoll lil dawk li diġà laqgħu studjużi fid-djar tagħhom u nħeġġeġ oħrajn biex jieħdu dawn l-inizjattivi.
Irrid nirringrazzja wkoll lill-istudjużi, konservaturi u restawraturi li qed jaħdmu f’dan il-qasam. Nistqarr li nqis li għaddej rinaxximent interessanti f’dan il-qasam li jorbot ħafna mal-politika tal-Gvern anke fir-rigward tal-ekonomija kreattiva.
Nirringrazzja lill-Professur Keith Sciberras li kien strumentali biex din il-wirja setgħet tittella’ u lis-Sur Joe Borg għar-ritratti u l-assistenza kbira tiegħu. Nirringrazzja wkoll lil Recoop għax-xogħol marbut ma’ konservazzjoni f’din il-wirja.
Nagħlaq billi naqsam ħsieb żghir. Dawn il-pitturi kienu maħsuba biex jitgawdew mill-familja. Is-suġġett huwa wkoll il-familja, bis-sabiħ u l-inkwiet tagħha. Naraw il-ferħ tat-twelid, il-biża’ u l-inkwiet tal-ħarba fl-Eġittu, l-laqgħa mal-kunjati (pittura fejn hemm il-familja tal-Madonna u San Ġużepp f’laqgħa ma’ Sant’Anna u San Ġwakkin), u l-laqgħa bejn il-qraba (pittura oħra tiddeskrivi l-familja ta’ Kristu qed tiltaqa’ mal-familja ta’ San Ġwann il-Battista). Il-kuntest huwa l-Milied, li ngħidulu l-festa tal-familja. U dan kollu huwa ġewwa l-Berga ta’ Kastilja li hija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew il-qalba tal-Gvern.
Jalla dan jgħinna nagħrfu l-valur u s-sabiħ tal-familja fejn nitwieldu, nikbru, nitgħallmu, nissaħħu u nsaħħu u nwensu lil xulxin. Fl-aħbarijiet u fil-ġurnali jidher ħafna x’jiġri hawnhekk f’Kastilja, imma rari jidhru l-mirakli kbar u x-xogħol kbir li jsir kuljum u fis-skiet fil-familji tagħna. Nawgura li din il-wirja tkun ukoll għarfien u rikonoxximent min-naħa tagħna għas-sabiħ li jsir fis-skiet u kuljum fil-familji tagħna.
Nawgura mill-qalb Milied mill-isbaħ, hieni u mimli paċi lill-familji kollha tagħna.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en