L-AĦĦAR TĦEJJIJIET QABEL MA’ X-XAGĦRA TINBIDEL F’VILLAĠĠ TAL-MILIED
Fir-raħal tax-Xagħra f’Għawdex għaddejjin l-aħħar tħejjijiet qabel ma’ din it-tieni l-ikbar lokalita’ f’Għawdex f’termini ta’ popolazzjoni tinbidel kollha kemm hi f’villaġġ tal-Milied jew kif inhi magħrufa, ‘ir-raħal tal-presepju’. L-attivitajiet, ikkordinati mill-għaqda volontarja “Il-Milied fix-Xagħra” li tikkolabora b’mod sħiħ mal-parroċċa ta’ Marija Bambina u mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra, jinkludu numru ta’ presepji flimkien ma’ inizjattivi li jsiru b’mod speċifiku fil-jiem tal-Milied u li matul is-snin wasslu biex taw sens kbir ta’ għaqda fil-komunita’.
L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja ltaqa’ ma’ wħud mill-voluntieri meta żar numru ta’ presepji u inizjattivi li qed jitħejjew. L-Għaqda “Il-Milied fix-Xagħra”, imwaqqfa fl-2004, illum tħejji kalendarju kulturali sħiħ bl-attivitajiet kollha li jkunu għaddejjin fix-Xagħra fil-jiem ta’ qabel u wara l-Milied, kif ukoll mappa bil-presepji kollha li jkunu għall-wiri. Kopji tal-informazzjoni stampata tinkiseb mill-uffiċċji tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu u mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
Dawn l-attivitajiet jinvolvu s-sehem dirett tal-parti l-kbira tar-residenti tax-Xagħra nkluż numru ta’ residenti barranin li huma wkoll jagħtu ħinhom b’mod volontarju biex ikunu jistgħu jsiru numru ta’ inizjattivi.
L-attivitajiet prinċipali jinkludu:
- il-wiri ta’ numru ta’ presepji kbar statiċi, mekkanizzati, Naplitani jew moderni f’postijiet pubbliċi jew fi djar privati li jinfetħu għall-pubbliku. Hu stmat li jkun hemm ‘il fuq minn 20 presepju kbir għall-wiri fix-Xagħra kif ukoll 4 wirjiet oħra ta’ presepji żgħar u grotti maħduma mill-istudenti fil-jiem tal-Milied.
- presepju ħaj f’razzett mibdul f’ambjent Bibbliku, b’tema li tinbidel minn sena għall-oħra, imtella’ minn grupp ta’ żgħażagħ ‘The Guiding Light’ mill-komunita’ tal-knisja tan-Nazzarenu;
- żjarat iggwidati ‘Cribs by Night’ li jieħdu lill-parteċipanti biex jaraw numru ta’ presepji filwaqt li jingħataw ukoll ikel tradizzjonali Malti ta’ dan iż-żmien tas-sena;
- wirja ta’ artiġġjanat Għawdxi marbut mat-tema tal-Milied;
- il-bejgħ ta’ ħelu tradizzjonali tal-Milied b’riċetti antiki mix-Xagħra stess u l-pubblikazzjoni ta’ l-istess ricetti;
- din is-sena għall-ewwel darba, b’kollaborazzjoni mad-Direttorat Eko-Għawdex tal-Ministeru għal Għawdex, il-komunita’ tal-Knisja Sant’Anton Abbati tellgħet siġra tal-Milied maħduma minn madwar 6,000 flixkun tal-plastik li kienu għar-rimi, miġbura mit-tfal;
- kompetizzjonijiet għall-aħjar presepji u għall-aħjar tiżjin tat-twieqi tad-djar privati;
- seminar Annwali dwar it-teknika u l-bini tal-Presepju;
- attivitajiet extra-kurrikulari fl-iskola primarja minn voluntiera tal-Għaqda “Il-Milied fix-Xagħra” dwar il-bini u l-istorja tal-presepju;
- it-tqassim tar-rigali minn Father Christmas fid-djar fil-lejl tal-Milied – inizjattiva li ilha ssir 25 sena – u li permezz tagħha jinġabru fondi għall-karita’;
- Cake u bibita sħuna fuq iz-zuntier tal-Knisja Marija Bambina fi tmiem il-quddiesa ta’ nofsillejl fil-lejl tal-Milied;
- u l-wasla tat-Tliet Slaten Maġi rekbin fuq iż-żwiemel fil-jum tal-Epifanija;
- minbarra t-tiżjin tal-pjazza tar-raħal u t-toroq prinċipali mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra.
Il-Ministru Chris Said, filwaqt li ppreżenta għajnuna finanzjarja lill-għaqda, faħħar l-impenn tal-voluntieri u l-kumitat tal-Għaqda “Il-Milied fix-Xagħra” għaliex bid-dedikazzjoni tagħhom qed jinżammu ħajja tradizzjonijiet antiki marbuta mal-wirt storiku tal-poplu Malti. Huwa faħħar ukoll il-ħidma li ssir mill-voluntieri matul is-sena kollha biex jorganizzaw attivitajiet edukattivi, lezzjonijiet u korsijiet dwar il-presepju, inkluż lit-tfal żgħar, kif ukoll l-impenn tagħhom favur ir-riċerka biex it-tradizzjonijiet u l-istorja popolari jerġgħu jwasslu għal entużjażmu fost il-komunita’. Huwa rrimarka li hu pożittiv li s-soċjeta’ Maltija, b’mod partikolari f’Għawdex, għadha tapprezza l-għeruq tagħha u tfittex li tippreserva u tgħix l-identita’ kulturali tagħha. Dan kollu jwassal għal iktar inizjattivi li jgħaqqdu flimkien lit-tessut soċjali tagħna u lill-komunita’ f’raħal bħax-Xagħra, inkluż lit-tfal, liż-żgħażagħ, lill-ġenituri u lill-anzjani bħala familja waħda. Fl-istess ħin dawn l-attivitajiet jgħinu biex itejbu l-prodott turistiku li joffri pajjiżna f’dan iż-żmien tas-sena.
Iktar informazzjoni dwar l-Għaqda “Il-Milied fix-Xagħra” tinkiseb mill-paġna bl-isem “Għaqda il-Milied fix-Xagħra” fuq Facebook.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en