Left arrow Go Back

IKTAR MINN 430 PERSUNA B’DIŻABILITÀ JGAWDU MILL-PROĠETT ME2

pr2695
Date Icon 07/12/2012

Ser nibnu fuq dan is-suċċess billi titkompla l-ħidma tal-Kooperattiva Me2 b’Fondi Nazzjonali

Matul dawn l-aħħar tliet snin, ’il fuq minn 430 persuna b’diżabilità ntlaħqu grazzi għall-proġett Me2. Dan il-proġett jasal fi tmiemu fl-aħħar ta’ din is-sena, u kien kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea – Fond Soċjali Ewropew u mmexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali bi sħab mal-ETC u l-KNPD. F’konferenza tal-għeluq tal-proġett li saret illum, ingħatat ħarsa lejn dan il-proġett u l-Kooperattiva li ħarġet minnu li mis-sena d-dieħla mistennija tkompli topera grazzi għal sapport minn Fondi Nazzjonali.

L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, f’messaġġ li bagħat għall-okkażjoni, qal li l-proġett Me2 jista’ jitqies suċċess li minnu gawdew persuni b’diżabilità, min tahom xogħol u anke s-soċjetà b’mod ġenerali. Bħalma ġara fil-proġett E4L, il-miri oriġinali nqabżu ferm. Iktar minn 430 persuna b’diżabilità ħadet sehem f’taħriġ jew esperjenzi ta’ xogħol, li hu kważi d-doppju tal-mira oriġinali ta’ 230. 20 minnhom ħadu sehem f’esperjenza indimentikabbli fi Bristol (ir-Renju Unit). Il-Ministru rrimarka li l-esperjenza li ħadu dawn l-430 persuna mingħajr dubju għenet biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familja immedjata tagħhom.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Said rrefera għall-Kooperattiva Me2 li twaqqfet bħala parti mill-proġett u fakkar fil-wegħda tal-Gvern li jkompli jsaħħaħha. Fil-messaġġ tiegħu huwa rrefera għall-Baġit 2013, bil-Gvern diġà ddikjara li jrid ikompli jżid ir-riżorsi professjonali fi ħdan din il-kooperattiva, irid idaħħal il-kunċett ta’ kooperattiva soċjali fil-liġijiet tagħna, u jrid jaġevola lil dawn il-kooperattivi fil-proċess ta’ xiri tal-Gvern. Dan minbarra inizjattivi oħra li bħala Gvern ħabbar li jrid ikompli jagħmel mis-sena d-dieħla ’l quddiem, fosthom iktar opportunitajiet ta’ xogħol għall-persuni b’diżabilita’ f’pajjiżna, mhux l-inqas ma’ entitajiet governattivi u ma’ għaqdiet volontarji.

Is-Sinjura Sina Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, qalet li grazzi għall-proġett Me2 il-persuni b’diżabilità mhux biss urew x’jafu jagħmlu, iżda wkoll ssorprendew lil ħafna bil-kapaċitajiet tagħhom. Hi semmiet kif issa li ntemm il-proġett, il-Kooperattiva Me2 ser tkompli din il-ħidma ma’ persuni b’diżabilità u kif l-Aġenzija Sapport ser tkompli twassal is-servizzi tagħha.

Is-Sur Stephen Vella Project Leader tal-Me2 qal li fil-fażi inizjali l-proġett għadda minn diversi sfidi, b’dik ewlenija tkun kif ħa tikkonvinċi lill-ġenituri li dan il-proġett jista’ jkun ta’ ġid għal uliedhom. Iżda permezz ta’ kuntatt kontinwu magħhom irnexxielna niksbu r-riżultat pożittiv li għandna llum. Is-Sur Vella esprima sodisfazzjon li l-miri tal-proġett inqabżu kważi bid-doppju u rringrazzja lil kull min wera fiduċja fil-Me2.

L-għan ewlieni tal-Me2 kien li jgħin lil persuni b’diżabilità jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom sabiex ikollhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol. B’hekk huma jkunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u aktar independenti. Għan ieħor kien li jaħdem favur l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b’diżabilità. Grazzi għall-ħidma ta’ 23 Support Worker tal-proġett, 82 persuna b’diżabilità bbenefikaw minn job exposure bħala parti mill-proġett Me2. Barra minn hekk, kien hemm 41 kumpanija fosthom 18-il entità pubblika u 23 kumpanija privata, li offrew il-possibilità lil dawn il-persuni biex jagħmlu esperjenza ta’ xogħol magħhom. 280 persuna oħra rċevew taħriġ bħala parti mil-life long learning filwaqt li 50 instabilhom impjieg fultajm jew partajm.

Barra minn dan kollu, bħala riżultat tal-proġett kien hemm ukoll it-twaqqif tal-Kooperattiva Me2, li ser tkompli għaddejja bil-ħidma li beda l-proġett fil-qasam tad-diżabilità. Din qed tħarreġ u tħaddem persuni b’diżabilità u qed tintalab tagħti servizzi kemm lis-settur privat kif ukoll lis-settur pubbliku. Bħalissa hemm 55 membru f’din il-kooperattiva li huma jew persuni b’diżabilità jew familjari tagħhom.

Waqt din il-konferenza pparteċipaw ukoll Marcel Pisani, Kap Uffiċjal Operattiv tal-Aġenzija Sapport; Joe Camilleri, Chairperson, KNPD; Ylenia Vella, Senior Executive, ETC; kif ukoll numru ta’ benefiċjarji tal-proġett u l-ġenituri tagħhom.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett Me2, il-pubbliku jista’ jżur www.sapport.gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow