ĊERIMONJA TAL-GRADWAZZJONI FL-MCAST
Il-gradwati tal-MCAST żdiedu bi 22%
Din il-ġimgħa l-MCAST qed jirrikonoxxi l-kisbiet ta’ 625 student li temmew korsijiet li jwasslu għal Higher National Diploma u lawrji fil-grad ta’ Baċellerat matul is-sena akkademika li għaddiet. Dan ifisser żieda ta’ 22% fuq in-numru ta’ gradwati fl-istess livelli, is-sena li għaddiet.
Fi tliet ċerimonji, li saru din il-ġimgħa, 190 student iggradwaw b’lawrji fil-grad ta’ Baċellerat tal-Arti (Honours) jew Baċellerat tax-Xjenza (Honours), waqt li 435 oħra se jirċievu ċertifikati ta’ korsijiet ta’ Higher National Diploma jew oħrajn fl-istess livell (Livell 5 MQF).
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina qalet li dan juri s-suċċess li qed jikseb l-MCAST li hu l-ogħla istituzzjoni li tipprovdi edukazzjoni vokazzjonali f’pajjiżna u jġib fix-xejn il-kritika inġusta li ssir lil dan il-Kulleġġ li minn meta fetaħ għaxar snin ilu kellu storja kontinwa ta’ suċċessi, mhux biss għalih imma wkoll għal eluf ta’ studenti li għaddew minnu.
L-MCAST illum joffri firxa wiesa’ ta’ opportunitajiet edukattivi biex iż-żgħażagħ ikomplu bl-istudji tagħhom. Il-Gvern qed ikompli jinvesti bil-kbir f’din l-istituzzjoni edukattiva, kemm f’dawk li huma riżorsi umani, għodda għat-tagħlim kif ukoll f’bini ta’ kampus ġdid li se jiswa €130 miljun.
Il-Ministru ħabbret li l-ewwel studenti, se jidħlu fl-ewwel binja tal-kampus il-ġdid fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.
Bħal fil-każ ta’ gradwati mill-Università, anke il-gradwati tal-MCAST ma jdumux ma jsibu impjieg. Infatti Malta għandha l-aħjar rata fl-Ewropa ta’ studenti li jsibu impjieg malajr wara li jiggradwaw.
F’din l-okkażjoni l-Ministru għamlet enfasi partikolari fuq l-istudju tax-xjenzi. Is-sena li għaddiet, l-MCAST waqqaf Istitut ġdid tax-Xjenzi Applikati. Dan l-Istitut li għadu fil-bidu tiegħu għandu rwol importanti ħafna biex inħajru aktar żgħażagħ jistudjaw fl-oqsma tax-xjenza. Għalhekk irrid nappella lil min jiggwida liż-żgħażagħ meta jiġu biex jagħżlu l-karriera li jridu jagħmlu, li jżomm ukoll quddiem għajnejh l-opportunitajiet li qed joffri dan l-istitut ġdid.
Is-suċċess tal-MCAST qed jikkontribwixxi bil-kbir għas-suċċess li laħaq pajjiżna fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla u avanzata fejn ir-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ ta’ 17-il sena telgħet għal 82% is-sena li għaddiet minn 43% li kienet fl-1999. Dan kien possibbli għall-investiment qawwi li għamilna fl-aħħar snin biex saħħaħna l-istituzzjonijiet Post-Sekondarji, bħall-MCAST, b’apparat modernizzat u faċilitajiet oħra filwaqt li żidna n-numru ta’ korsijiet f’diversi setturi u livelli.
Il-Ministru awgurat lill-gradwati l-ġodda, li huma wkoll ikollhom suċċess fil-karriera tagħhom u issa jibdew jagħtu huma wkoll il-kontribut tagħhom lejn l-ekonomija tal-pajjiż, li għenhom sakemm waslu fejn qegħdin illum.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en