STQARRIJA TAD-DIRETTUR TAS-SERVIZZI KORRETTIVI
Id-Direttur tas-Servizzi Korrettivi jirreferi għall-istqarrija tal-kelliem tal-Oppożizzjoni Michael Falzon dwar l-operat tat-tuck shop fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni qed toħloq kwistjoni dwar materja amministrattiva li titħaddem b’mod trasparenti għall-konvenjenza politika.
L-operat tat-tuck shop tal-Faċilità irid jiġi mixtarr fil-kuntest ta’ ħanut li jaqdi l-bżonnijiet limitati tal-popolazzjoni ta’ 600 ruħ li hemm residenti. Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li parti sostanzjali minn din il-popolazzjoni għandha l-faċilità li titlob li jinġiebulha oġġetti minn barra l-ħabs minn qraba u ħbieb. Għal dawn ir-raġunijiet il-prezzijiet tal-affarjiet li jinxtraw mit-tuck shop mill-priġunieri għandhom jiġu mqabbla ma dawk li jiġu offruti minn ħanut tal-merċa zgħir.
It-tuck shop għalhekk ukoll ma jaħdimx fuq skala ta’ supermarket li qiegħed f’kompettizjoni ma’ stabbilimenti oħra, fejn prodotti jistgħu jinxtraw b’ ammonti kbar u għalhekk il-prezzijiet ikun irħas mill-ħwienet tal-merċa li jixtru mingħand l-aġenti fi kwantitajiet iżgħar.
Limitu ieħor tat-tuck shop huwa li minħabba l-kwantitajiet żgħar ta’ oġġetti li jdawwar, dan ma jistax jgħamel offerti speċjali jew iraħħas il-prezzijiet meta jiġi introdott xi prodott ġdid. Fil-fatt diversi prodotti u oġġetti idumu fuq l-xkaffef għal xhur sħaħ, filwaqt li oħrajn tal-ikel li jiskadu jkollhom jintremew, b’detriment għall-operat tat-tuck shop innifsu.
Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, it-tuck shop xorta waħda f’xi okkażjonijiet joħroġ bi prezzijiet li jkunu irħas minn dawk li wieħed isib fi ħwienet tal-merċa. Naturalment wieħed ma jistenniex li l-kelliem tal-Oppożizzjoni jsemmi dan il-fatt fl-istqarrijiet varji tiegħu.
Fl-aħħar nett ta’ min isemmi wkoll li l-operat tat-tuck shop jiġi mixtarr bir-reqqa kull ġimgħa minn awditur indipendenti imqabbad apposta. Din is-sistema issa ilha fis-seħħ għal mill-inqas erba’ snin
Hija ħassra li l-Oppożizzjoni Laburista tibqa’ tagħmel minn kollox biex tagħmel ballun politiku minn oqsma kruċjali għaż-żamma tal-ordni u sigurtà fil-pajjiż.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en