IL-FARM TAL-GVERN JIFTAĦ IL-BIBIEN GĦALL-PUBBLIKU
Il-Farm tal-Gvern f’Għawdex li ser jinbidel f’Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent b’investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun, kien miftuħ għall-pubbliku, f’Open Day organizzata mill-Ministeru għal Għawdex.
Dawk kollha li żaru dan iċ-ċentru kellhom l-opportunità li jsegwu l-iżvilupp li sar s’issa f’dan il-proġett li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex bil-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Malta. Ix-xogħlijiet jinkludu xogħol estensiv ta’ ristrutturar u manutenzjoni tal-proprjetà kollha fosthom uffiċini u spazji oħra għal ħaddiema, maqjel fejn jistgħu jinżammu annimali tal-irżiezet, guva tal-għasafar kif ukoll spazju għat-trobbija tan-naħal. Sar ukoll xogħol ta’ tiswija fuq tliet ġwiebi tal-ilma, ġiet ristrutturata taqsima minn fejn tiġi kkoordinata ħidma marbuta mal-programm tal-Hands-on-Farming, ġew imwaqqfa sitt serer ġodda li fihom ġiet installata sistema kompjuterizzata ta’ fertilizzazzjoni u tisqija.
Il-pubbliku seta’ jsegwi wkoll preżentazzjonijiet li saru minn erba’ esperti xjentifiċi li huma involuti fil-proġett kofinanzjat minn fondi Ewropej, Sicily-Malta BIOgeographical Transboundary Insular Connectivity (SIMBIOTIC). L-għan ta’ dan il-proġett huwa li tiġi mtejba r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali fil-gżira Għawdxija, kif ukoll permezz ta’ tisħiħ u mmaniġġjar tal-artijiet protetti fix-Xlokk ta’ Sqallija. Is-siti f’Għawdex huma l-Farm tal-Gvern fix-Xewkija, Masġar taż-Żebbuġ fl-inħawi Ta’ Lambert fix-Xewkija, is-sit magħruf bħala t-Taksis fl-inħawi ta’ Daħlet Qorrot fin-Nadur u sit fuq l-Għolja ta’ Għammar qrib Ta’ Pinu. Dawn qed iservu bħala siti naturali li qed jintużaw għal riċerka dwar il-biodiversità permezz ta’ diversi studji relatati mal-flora u l-fawna.
Il-botanista magħruf Edwin Lanfranco tkellem dwar l-użu ta’ speċi ta’ pjanti indiġeni fl-ambitu tal-Proġett SIMBIOTIC, ta ħarsa wiesgħa lejn il-flora fil-Gżejjer Maltin filwaqt li ta d-dettalji tal-ispeċi li ġew imħawla fl-erba’ siti f’Għawdex. Minn naħa tagħha, Dr. Isabella Colombini, l-esperta Taljana dwar l-ekoloġija, tat ħarsa xjentifika dwar il-biodiversità u s-sinifikat ekoloġiku tal-istudju dwar l-inħawi studjati f’Għawdex u Pachino. Is-Sur Adrian Bugeja-Douglas u Marie-Louise Zammit għamlu preżentazzjoni dwar il-varjetajiet fil-ħarrub u l-ballut lokali. Il-preżentazzjonijiet ġew fi tmiemhom bil-preżentazzjoni The transboundary avifaunal migratory route between Malta and Sicily mill-ornitoloġista magħruf Malti, Dr. Natalino Fenech. Il-parteċipanti ttieħdu wkoll fi tnejn mis-siti li qed jiġu restawrati: l-għelieqi fil-Farm tal-Gvern stess u f’Ta’ Lambert.
Il-proġett taċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent huwa marbut mal-inizjattivi tal-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012 li jfittex li jkomplu jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli f’diversi setturi soċjoekonomiċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en