SKEMA BIEX AKTAR KAROZZI JAĦDMU BL-AUTOGAS, GĦAL AMBJENT NADIF U LIVELL TA’ SAĦĦA AĦJAR
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino, illum ħabbar id-dettalji ta’ skema li qed tinċentiva lis-sidien tal-karozzi biex il-karozzi jinqalbu biex jaħdmu wkoll bl-autogas. karozzi li jaħdmu b' autogas iniġġżu anqas u diġà insibu f’pajjiżna numru ta’ vetturi li nqallbu biex qed jaħdmu bl-autogas.
L-iskema se tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2013, se tinċentiva lil min jeqleb il-karozza tiegħu għall-autogas billi jingħata rifużjoni ta' €200, u tibqa' fis-seħħ sakemm jibbenefikaw 1,000 persuna. Din l-iskema qed issir b’investiment ta’ €200,000.
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi fuq formoli pprovduti apposta u li se jkunu jistghu jinkisbu mill-website www.mrra.gov.mt wara l-1 ta’ Jannar 2013 u għandhom jaslu fil-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali kif indikat fuq il-Formoli. l-aplikant irid l-ewwel jiġi bl-applikazzjoni u jkun wara biss li tingħata grant letter li jkun jista jaghmel il-conversion.
L-iskema hija applikabbli għal individwi privati iżda teskludi vetturi li ma jintużawx għat-trasport personali. Vetturi użati għall-skopijiet sportivi u muturi fost oħrajn mhumiex inkużi fl-iskema. L-applikant irid ikun is-sid rreġistrat tal-vettura li għaliha tkun qed issir l-applikazzjoni. L-għotja hija limitata għal vettura waħda għal kull dar. Familja li tkun ibbenifikat minn għotjiet oħra dwar ix-xiri tal-vettura ma hiex eliġibbli għal għotja taħt din l-iskema.
Biex vettura tibbenifika minn din l-iskema trid tilħaq dawn il-kriterji:
i. jkollha magna 2 ltr jew inqas;
ii. tkun liċenżjata fit-triq mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2009;
iii. il-vettura tkun reġistrata għal użu fit-triq ma’ Transport Malta;
iv. il-konversjoni tal-autogas tkun saret minn persuna kompetenti skont il-lista ta’ persuni pprovduta mill-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi;
v. tilħaq l-istandards ta’ UN ECE 67 u UN ECE 115 – standards applikabbli għas-sistema ta’ konverżjoni;
vi. l-apparat installat u s-sistema jkunu ttestjati skont il-Kodiċi ta’ prattika tal-Awtorita’ Maltija għar-Riżorsi.
Il-Ministru Pullicino qal li dan il-pass ukoll għandu jgħin biex ikolna katar arja nadifa u ngawdu minn livell ta’ saħħa aħjar. Hu kkalkulat li jekk 10% tal-karozzi tal-passiġġieri fl-Ewropa jikkonvertu għal din is-sistema ta’ fjuwil, f’sena, l-Europa tnaqqas 350 miljun tunnellata ta’ CO2. Huwa kkalkulat ukoll li fl-istess perijodu jkunu frankati €20 biljun f’external costs mill-Gvernijiet inkluż spejjeż tas-saħħa relatati mat-tniġġiż fl-arja, filwaqt li l-familji Ewropej ikunu ffrankaw €41 biljun f’konsum.
L-Autogas huwa diġà użat minn aktar minn 7 miljun karozza fl-Ewropa. Dan kollu jgħin ukoll fil-miri tat-tnaqqis tal-gassijiet serra li l-Unjoni Ewropea fasslet li għandhom jintlaħqu sas-sena 2020.
f’Awwissu 2010 f’pajjiżna ħarġu regolamenti li jagħmlu possibbli l-bidla (conversion) għall-karozza biex tkun tista’ taħdem bl-Autogas. Din tista’ ssir minn persuni awtorizzati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Fil-preżent huma 19-il kumpaniji li huma awtorizzati biex iwettqu dan ix-xogħol. Id-dettalji ta’ min jista’ jwettaq dan ix-xogħol ikunu updated fuq is-sit eletroniku tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi www.mra.org.mt.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en